Aktar ma qed jiżdiedu dawk fi ħdan il-Partit Laburista li qed joħorġu informazzjoni sensittiva minn ġewwa u jgħadduha lil il-mument, ta’ Kastilja qed jipprovaw jgħattu l-qasma fi ħdan il-Gvern bejn il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministru Konrad Mizzi li huma f’konfront dirett bejniethom fuq aktar kwistjonijiet jaħarqu, fosthom dik li tirrigwarda l-Vitals u Stewart kif ukoll id-deal tinten tal-art lill-Corinthia.
Ta’ Kastilja jinsabu mħasba b’dak kollu li qed jasal għand il-mument għaliex din il-firda qed tirrifletti ħażin ħafna fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed isibha diffiċli jiddefendi lill-Ministru favurit tiegħu –Konrad Mizzi.
Membri fil-Grupp Parlamentari Laburista li jappoġġaw lil Chris Fearne huma tal-fehma li fil-Ministru tas-Saħħa għandhom xaqq ta’ dawl li l-Gvern ta’ Joseph Muscat ma jibqax jirrombla kif għamel tul dawn il-ħames snin mingħajr ma ħadd ma jieħu l-briga li jiqaflu.
Hu stat ta’ fatt li Chris Fearne, fuq diversi kwistjonijiet, qiegħed jagħżel li jeħoda kontra d-direzzjoni ta’ Kastilja għaliex ma jaqbilx ma’ ċerti pożizzjonijiet li qed jittieħdu. Każ klassiku dan l-aħħar kien fir-rigward ta’ Neville Gafà, fejn filwaqt li l-Prim Ministru ħareġ ifaħħru, hu keċċih mid-dekasteru tiegħu għaliex dellu tqil wisq dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.
Dawk favur Chris Fearne jemmnu li kemm-il darba l-Viċi Prim Ministru jkompli jżomm sod kontra deċiżjonijiet dubjużi minn Kastilja, allura se jkompli jissaħħaħ biex finalment ikun hu li jieħu t-tmun tal-Partit bħala Mexxej u tal-Gvern bħala Prim Ministru darba Joseph Muscat iżomm kelmtu u jirriżenja.
Iżda ta’ Kastilja ma jridux li din il-qasma fil-Gvern tibqa toħroġ fid-deher. Inqdew b’għeluq snin il-Prim Ministru biex ixerrdu ritratt li ttieħed nhar it-Tlieta li għadda waqt il-laqgħa tal-Kabinett meta madwar il-Prim Ministru bilqiegħda fin-nofs tal-mejda kien hemm ħdejh il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne, iżda l-Ministru Konrad Mizzi li hu meqjus bħala l-eqreb lejn il-Prim Ministru, kien ferm lil hinn fuq wara tar-ritratt. Ta’ Kastilja ħadu ħsieb li l-caption għal dan ir-ritratt kienet tgħid: “Kabinett magħqud warajk!”
Iżda dlonk wara l-istess laqgħa tal-Kabinett, Ministri li huma attivi fi group ta’ Whatsapp li jiġbor fih attivisti Laburisti iddieħku bir-ritratt. Wieħed minnhom sa kiteb, “ĠABUNA QIESNA TAL-X FACTOR! KULĦADD JITBISSEM QIESU BAĦNAN!”
Il-qasma bejn ta’ Fearne u ta’ Konrad issa qed tinħass sew fil-Grupp Parlamentari Laburista. Sorsi fi ħdan il-Partit Laburista għaddew lil il-mument kopja ta’ tabella minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika li jsir fuq bażi regolari fil-Partit Laburista. Jirriżulta bl-iżjed mod skjett li l-Viċi Prim Ministru Chris Fearne għadu jgawdi l-akbar fiduċja fost il-Laburisti waqt li mill-istess stħarriġ joħroġ ċar li Konrad Mizzi hu l-inqas Ministru popolari fil-Kabinett.
Sadattant, ta’ Kastija qed jaħdmu qatigħ biex ixellfu l-kredibbiltà ta’ Chris Fearne sakemm jibda nieżel fis-sondaġġi. F’dan l-isfond, sar eżerċizzju fuq Chris Fearne u s-Segretarjat tiegħu biex tinstab informazzjoni li b’xi mod tista’ ttelliflu l-kredibbiltà. Biex iwettqu dan l-attakk, ta’ Kastilja qed jużaw lit-Times of Malta fejn sa ftit tas-snin ilu ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kellu negozju qawwi mal-eks CEO tat-Times, Adrian Hillman. Kienet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li kixfet l-assoċċazzjoni bejn Hillman u Keith Schembri. Dak iż-żmien id-diriġenti tat-Times kienu laħqu ftehim sigriet ma’ Adrian Hillman biex jitlaq baxbax mingħajr ma ttieħdu passi kontra tiegħu.
//= $special ?>