Lokali

Priġunieri diskriminati u bbuljati minn nies arroganti li l-poter telgħalhom għal rashom

Ħafna priġunieri fil-Ħabs ta' Kordin qed ikunu esposti għal umiljazzjoni u trattament xejn dekoruż

Il-gazzetta il-mument illum ippubblikat l-ewwel part ta’ ittra twila minn priġunier fil-Ħabs ta’ Kordin. Kull kumment min-naħa tagħha jkun żejjed. It-test sħiħ ta’ din l-ewwel parti ta’ din l-ittra hu:

Għażiż Joe,
Nibda biex f’isem ir-residenti kollha tal-Ħabs ngħidlek grazzi talli għall-inqas qed tipprova tagħtina l-għajnuna billi ssemma l-leħen tagħna.

La darba qed ngħixu f’pajjiż fejn xejn m’hu xejn, tajjeb li kulħadd ikun jaf li hawn ġew fil-Ħabs hawn priġunieri diskriminati, ostaġġi u bbuljati minn nies arroganti li jiddelittaw bil-poter u bil-barka tal-politiċi li qegħdin paxxuti u gallarija, ma jimpurtahomx minna li aħna wkoll persuni umani.

Aħna l-priġunieri stmati taż-żibel
L-ewwel punt li rrid inqajjem hu li kemm ilu li hawn it-Tmexxija l-ġdida tal-Ħabs mill-Kurunell Alex Dalli, aħna l-priġunieri bdejna nkunu stmati taż-żibel.
Is-Sur Dalli mar fuq it-televiżjoni tal-Istat u qal li hawnhekk kien sab diżastru sħiħ. Qal li dan id-diżastru kien ilu ħafna snin jakkumula. Jien nistaqsi: Ta’ min hu t-tort li l-Ħabs ġie f’dan l-istat?
Jien nemmen li dan ġara tort ta’ dawk li kien hemm jaħdmu fil-Ħabs qablu. Jekk dan hu l-każ, allura kif is-Sur Dalli ta lil uħud minn dawn il-persuni l-promozzjoni ta’ Supervisor?
Tajba mela… jagħmel kjass sħiħ u jitkaża b’dak li wiret, imbagħad jispiċċa jippremja lil dawn li għamlu dan il-frakass fil-Ħabs!
Tajjeb li jingħad li wieħed minn dawn is-Supervisors saħansitra kien għaddej inkjesta. Il-każ tiegħu saħansitra spiċċa wkoll quddiem il-Parlament. Allegatament dan is-Supervisor – li dwaru int ktibt ukoll f’il-mument – kien ordna lil tliet priġunieri Għarab biex isawtu priġunier Malti li kien akkużat b’serq mingħand omm dan l-istess Supervisor.
Tajjeb li nistaqsi hawnhekk x’sar minn dik l-inkjesta? F’liema stadju waslet? Jekk kienet lesta x’ħareġ minnha? X’passi ttieħdu? Jew dik l-inkjesta kienet orkestrata minn fuq sa isfel biex hekk jindifen kollox kif kien il-każ dwar inċidenti serji oħrajn li seħħew fil-Ħabs tul is-snin?

Dan is-Supervisor, li kulħadd jaf kif iġib ruħu, jaħseb li għandu ħafna poter hawn ġew. Dwaru llum se nieqaf hawn.
Persuna oħra li ngħatat il-promozzjoni ta’ Supervisor hi dik li kienet responsabbli mid-Data tas-Sentenzi. Tajjeb li kulħadd ikun jaf li ma nafx kemm-il priġunier kien hawn hawnhekk li spiċċaw għamlu jiem sħaħ żejda l-Ħabs għax dan kien igerfex id-data u l-informazzjoni dwar id-date of release. Jien naf b’każijiet ta’ priġunieri li qabdu u ġew fuqhom u ħarġuhom ‘il barra tard għax ma kenux indunaw li dawn kien għalqilhom iż-żmien hawnhekk. Lil dan ukoll tah promozzjoni. Dwar dan ukoll illum se nieqaf hawn.

Armi tan-nar fil-kurriduri tal-Ħabs

Kemm ilu jmexxi l-Ħabs is-Sur Dalli bdejna naraw numru ta’ armi tan-nar fil-binja tal-Ħabs. Imma mhux armi tan-nar biss, iżda anki armi oħrajn kif ukoll Gwardjani tal-Ħabs armati b’ilbies protettiv.
Ftit ilu rajna xena bħal tal-films. Qisu kien hawn xi stat ta’ allarm bħal meta tinqala’ xi rewwixta. Iżda minn dan kollu ma kien xejn. Skoprejna aħna l-priġunieri li din ir-reċta kollha li għamlu saret bħala messaġġ ta’ theddid. Armi fl-idejn. Kliem ħażin. Min joffendi lill-priġunieri u jistedinhom għall-ġlied… kienet messa in scena ta’ provokazzjoni fil-konfront tal-priġunieri. Bħal qisu kien hemm min xtaq li jipprovoka lilna l-priġunieri biex noħorġu għall-ġlied.
Is-Sur Dalli u dawk ta’ madwaru ġodda ġew hawnhekk bi strateġija ta’ dixxiplina. Importa miegħu d-dixxiplina suppost użata fl-Armata minn fejn ġie. Tajjeb li dawn il-persuni fit-Tmexxija l-ġdida tal-Ħabs ikunu jafu li l-inkwiet ma hu tajjeb għal ħadd. La għalina u anqas għal dawk li ma jorqdux hawnhekk.
Għalhekk ma tagħmel l-ebda lokiġa li jkun hemm min jipprova jagħmel eżerċizzju għall-Gwardjani tal-Ħabs f’sens li dawn jistiednu lilna għall-ġlied. Jien nistaqsi: Hemm min irid jittesta kemm kapaċi juża forza?
Dan kollu jistogħna ħafna mal-messaġġ ta’ xi persuni li aħna l-priġunieri għandna nirrispettaw lil xulxin u lil dawk li jaħdmu fil-binja tal-Ħabs bħala Gwardjani jew membri tal-SRT. Li jistogħna ħafna hu li jkun hawn min jiġi jkellimna dwar ir-rispett u l-imħabba lejn xulxin, imbagħad jiġi ħaddieħor b’ħafna qżież u arja żejda, bullying u arroganza fl-aqwa taghħhom.

Attakk dirett fuq il-priġunieri
Lanqas laħaq dar il-binja kollha tal-Ħabs li s-Sur Dalli ma bediex idaħħal miżuri iebsa u kattivi mmirati biex irażżan lill-priġunieri. Dawn kienu miżuri drastiċi kontra tagħna l-priġunieri bħal qisu aħna konna li qridnih il-Ħabs.
Beda biex qata’ l-extended visits ta’ darba fix-xahar. X’jimpurtah mir-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin u l-koppji. L-iskuża kienet li qed tiddaħħal id-droga fil-bini tal-Ħabs. Mela, jekk dan kien il-każ, ma’ min jabbuża weħel kulħadd. Hekk sew?
Il-mara tiegħi qatt ma daħħlet xejn ħażin fil-binja tal-Ħabs. Allura għaliex jien għandni nbati kapriċċożament? U għaliex il-mara tiegħi għandha tbati kapriċċożament? Dak li messu sar kien li jkun hawn l-apparat meħtieġ u nies serji, onesti u kapaċi u jinqabad min jabbuża u mhux kulħadd jispiċċa jbati għaliex xi ħadd jabbuża.
Jien inqis din id-deċiżjoni bħala waħda vendikattiva fil-konfront tagħna l-priġunieri li ma nabbużawx. Għalija din hi manifestazzjoni ta’ kattiverija fil-konfront tal-priġunieri li ma jabbużawx.
Tajjeb li kulħadd ikun jaf kif daħlet fis-seħħ din l-ordni tal-qtugħ tal-extended visits. Jum minnhom is-Sur Dalli nnifsu, flok ħareġ ordni f’dan is-sens, mar iħabbat fuq il-kmamar u beda jgħajjat u jsabbat mal-bibien biex min kien ġewwa jieqaf jagħmel l-att sesswali mal-mara jew mal-partner tiegħu. U dawk li kienu ġewwa f’dawn il-kmamar tassew inbelgħu u ġew umiljati.
Dakinhar miegħu kien hemm ir-rinforzi armati u hu, bl-aktar mod vulgari u maledukat, beda jgħajjat u jħabbat fuq il-bibien u kulħadd inbela’. Jien nistaqsi: Dawn x’affarijiet huma? Mela l-priġunieri tittrattahom b’dan il-mod xejn dekoruż? U l-familjari tagħhom tiksirhom b’dan il-mod selvaġġ?

Id-Direttur tal-Ħabs ma jkellimx lill-priġunieri
Dan kollu wieħed irid jieħdu wkoll fil-kuntest li l-istess Direttur tal-Ħabs jgħidilna li hu ma jkellimx lill-priġunieri. Id-Direttur tal-Ħabs anqas biss jieħu b’idejn il-priġunieri. Ma jridx li jkollu l-iċken kuntatt magħhom. Jgħid li aħna żibel għalih u mhux nies bħalu.
Aħna bejnietna l-priġuniei nistaqsu kif il-poter tela’ għal ras dawn in-nies fit-Tmexxija tal-Ħabs. Għaliex saru daqstant arroganti magħna. U b’ħafna kliem u diskors ħażin u baxx fejn jaħsbu li se jaslu?
Tajjeb li ngħidlek ukoll li minbarra dan kollu qatgħulna wkoll vista oħra normali li kien ikollna fost il-ġimgħa. Qalulna biss li dawk il-priġunieri li jaħdmu fil-Ħabs jista’ jkollhom sa żewġ żjarat fil-ġimgħa, iżda dawk li ma jaħdmux fil-Ħabs ikollhom żjara waħda biss.
Issa aħna bejnietna nitkellmu u nafu li fil-Ħabs ma hawnx xogħol għal kulħadd. Dawn qatgħu din it-tieni żjara għaliex riedu jaqtgħulna minn dawn iż-żjarat. Naturalment dan kollu sar u qed isir b’diskriminazzjoni kbira. Issa qed jinqabeż kull limitu fil-mod kif jittrattaw magħna. It-Tmexxija l-ġdida tal-Ħabs mhux biss qiegħda taħqar lilna, imma anki lill-familjari tagħna. Din qed iċċaħħadna mill-familjari tagħna u minn uliedna.
Inqatgħet ukoll iż-żjara tal-Milied jew l-Ewwel tas-Sena
Din it-Tmexxija tal-Ħabs qatgħet ukoll dik iż-żjara ta’ nofs siegħa li kienet issir darba fil-Milied jew inkella fl-okkażjoni tas-sena l-ġdida. Dik kienet tkun żjara differenti għaliex kienet taħbat fil-Milied jew fil-jiem ta’ sena ġdida.
Aħna l-priġunieri jkollna ftit ħin – nofs siegħa – ma’ wliedna u l-maħbubin tagħna. Kienet tkun żjara differenti u bosta drabi kommoventi ħafna. Il-missier jgħannaq lil uliedu u l-ulied jgħannqu lil missierhom. U naturalment mumenti wkoll ta’ tgħanniqa bejn il-miżżewġin jew il-koppji.
Mela fuq it-televiżjoni jitkellmu dwar jiem ta’ ferħ u kemm hi kerha s-solitudni u hawn ġew it-Tmexxija l-ġdida tal-Ħabs tgħakkes lill-priġunieri u lill-familji tagħna u tara kif iżżid id-dwejjaq u s-solitudni. F’dawn iż-żmien tas-sena l-firda hi ferm aktar kerha mis-soltu.
Dwar dan kollu jien staqsejt u nkompli nistaqsi: Għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni? X’iggwadanja l-Ħabs? X’iggwadanja l-priġunier? Għaliex it-Tmexxija tal-Ħabs għażlet il-Milied u l-Ewwel tas-Sena biex tkompli tgħakkes lill-priġunieri? Possibbli min qiegħed imexxi l-Ħabs għandu l-barka tal-Ministru u l-Ministeru biex jagħmel dawn il-ħruxijiet fuq il-priġunieri?

Daqshekk ħwejjeġ hoodies għall-priġunieri
Dan l-aħħar, wara li priġunier instab mgħallaq fiċ-ċella tiegħu wara li ma ngħatax widen għall-karbiet tiegħu, it-Tmexxija tal-Ħabs iddeċidiet li b’mod immedjat daqshekk ħwejjeġ hoodies għall-priġunieri.
Dan kien ifisser li minn dakinhar ’il quddiem daqshekk iddaħħlu flokkijiet hoodies għall-priġunieri. Qalulna li min għandu dawn il-ħwejjeġ jekk joħroġhom biex jinħaslu, allura ma jerġgħux jiddaħħlu fil-binja tal-Ħabs. Dan għaliex normalment dawn il-ħwejjeġ aħna konna nagħtuhom lil tal-familja biex jaħsluhomna.
Din id-deċiżjoni kienet tfisser ukoll li priġunieri kienu kostretti jixtru flokkijiet bla hood. U jien nistaqsi: Il-priġunieri kollha għandhom il-flus biex joqogħdu jixtru l-flokkijiet? Tajjeb li kulħadd jifhem li ħafna priġunieri ma għandhomx flus. La huma u anqas il-familji tagħhom.
Barra minn hekk meta niġu għall-ħasil tal-ħwejjeġ hawn ġew ma għandniex washing machines. Irridu naħslu l-ħwejjeġ fil-bramel tad-Division. Tad-daħk hux? Xi 70 priġunier iridu jaħslu l-ħwejjeġ! U fejn se jonxruhom imbagħad? Ma’ biċċa ħabel ta’ xi sitt metri tul imwaħħla ma’ żewġ granpuni wieħed ma’ kull ħajt?
Kif jista’ jkun li dawn in-nies kollha jaħslu u jnixxfu ħwejjiġhom? Imma t-Tmexxija tal-Ħabs ma jimpurtahiex. Dawn huma kollha miżuri biex ikomplu jkissru lilna l-priġunieri. Miżuri biex ikomplu jgħakksuna.
Daqshekk il-kard tat-telefon tal-€5

Hawnhekk fil-Ħabs l-affarijiet qed isiru insapportabbli minn jum għal ieħor. Issa qatgħulna wkoll il-kard tat-telefon tal-€5 li konna ningħataw darba fix-xahar. Konna ningħataw żewġ kards tat-telefon ta’ €5 kull waħda. U jien nistaqsi: Għaliex ġara dan? Possibbli t-Tmexxija tal-Ħabs ma tafx li aħna kull ewro jgħodd għalina?
Barra minn hekk bosta minna jsostnu li l-kuntratt li l-Ħabs għandu ma’ min jipprovdilna dawn il-kards tat-telefon hu wieħed bir-rati kummerċjali bir-riżultat li l-kard tinxtorob fi ftit minuti ta’ telefonati.
Mela lilna l-priġunieri dejjem inaqqrulna u jnaqqsulna. Il-Ministru stess madwar sena ilu kien qal li hu inuman il-ħlas li aħna ningħataw għax-xogħol li nagħmlu.
Mela aktar ma għandna dħul miżeru, aktar ikomplu jnaqqrulna minn dan id-dħul. L-ironija hi li filwaqt li jissikkaw iċ-ċintorin tagħna l-priġunieri, imbagħad iberbqu l-belli liri f’armi, f’ilbies għall-ġlied u f’ilbies provokattiv u għal ċerti Gwardjani biex ikunu jistgħu jagħmlu sahra kemm iridu. Imma l-€5 fix-xahar f’kard tat-telefonija li konna ningħataw rawha żejda!

(It-tieni parti ta’ din l-ittra tkun pubblikata l-Ħadd li ġej)