Lokali

Raġel ta’ 31 sena jweġġa’ gravi wara inċident fil-Marsa

Tliet persuni fosthom tifel ta’ madwar sentejn iddaħħlu għall-kura l-isptar wara inċident tat-traffiku li seħħ dalgħodu għall-ħabta tas-6.15 fit-triq li minn Diċembru 13 tagħti għal Marsa Ħamrun Bypass.

Fl-inċident kienu involuti karozza tat-tip Toyota Vitz misjuqa minn raġel ta’ 31 sena minn San Ġwann u Toyota Raktis misjuqa minn raġel Olandiż residenti Raħal Ġdid fejn fil-karozza kellu miegħu tarbija. Jidher li mad-daqqa, il-Vitz daret tħares fid-direzzjoni opposta. Warajha kien hemm it-Toyota Ractis li baqgħet dieħla fil-karozza tal-Malti.

Għal xi ħin it-triq kienet magħluqa għat-traffiku.

Fuq il-post issejħu l-Pulizija kif ukoll ambulanza li ħadet lill-vittmi l-isptar Mater Dei għal iktar kura. Jidher li r-raġel ta’ 31 sena sofra minn ġrieħi gravi filwaqt li t-tifel u s-sewwieq l-ieħor sofrew biss ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.