Il-Ministru tal-Intern Taljan, Matteo Salvini, il-Ħadd ħabbar li kien qed jiġbor l-evidenza legali kontra l-ekwipaġġ tas-Sea Watch 3, li jtajjar bandiera Olandiża. Dan hekk kif kompliet tiżdied il-pressjoni biex is-47 immigrant li hemm abbord jitħallew jinżlu l-art.
Salvini qal li l-Gvern Taljan għandu provi konkreti li juru li l-kaptan u l-ekwipaġġ tas-Sea Watch 3 ipperikolaw il-ħajja ta’ dawk abbord billi injoraw l-ordnijiet biex jitrakkaw fl-eqreb port, li ma kienx fl-Italja. Huwa żied li l-evidenza issa kienet se tingħata lill-awtoritajiet ġuridiċi biex jipproċedu u jakkużaw lill-ekwipaġġ tal-vapur Olandiż li qed jużaw lill-immigranti f’battalja politika.
Salvini qed ikompli jżomm iebes li l-immigranti ma jitħallewx jiżbarkaw fl-Italja u insista li qabel ma baħħru lejn l-Italja, is-Sea Watch3 seta’ żbarka l-immigranti fil-Libja, it-Tuneżija jew f’Malta.
Il-vapur issa jinsab ittrakkat barra l-kosta ta’ Sqallija u grupp ta’ Membri Parlamentari Taljani telgħu abbord biex jaraw is-sitwazzjoni kif ukoll biex jiġbru x-xhieda dwar il-vjolenza li dawn l-uħud sofrew waqt li kienu fil-Libja.
Xi gruppi umanitarji qed jappellaw mal-Italja biex tal-anqas il-minuri li hemm abbord jitħallew jiżbarkaw.
Imma Salvini qed jinsisti li l-Olanda jew il-Ġermanja jieħdu r-responsabbiltà għall-vapur – li jtajjar bandiera Olandiża imma hu mmexi mill-NGO Ġermaniża Sea Watch.
Is-Sibt, Mark Harbers, il-Ministru tal-Immigrazzjoni Olandiż, qal li pajjiżu ma kienx obbligat isib soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni peress li s-Sea Watch għamel li għamel fuq inizjattiva tiegħu nnifsu.
//= $special ?>