Lokali

Sejba ta’ droga twassal għal arresti ta’ tliet irġiel

Tliet irġiel ġew arrestati f’rejd li sar is-Sibt f’residenza fil-Gżira .

F’ħidma li saret mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga, assistit mill-Pulizija tal-iSpecial Intervention Unit u mill-Pulizija tat-Traffiku, sabu ammont sostanzjali ta’ droga fuq il-pusses tal-irġiel, li l-età tagħhom tvarja bejn it-30 u l-48 sena, u huma residenti l-Gżira u tas-Sliema.

Il-Pulizija sabet qratas bi trab abjad u kannella allegatament droga kokaina u eroina. Fil-post instabu wkoll xi affarijiet oħra bħal mwieżen elettroniċi li jindikaw li d-droga misjuba kienet lesta biex tiġi traffikata.

Dan ir-rejd sar wara li l-Pulizija kellha rapporti li minn ġewwa din ir-residenza qiegħed isir abbuż u traffikar tad-droga f’diversi ħinijiet tal-ġurnata.

L-irġiel qiegħdin jinżammu arrestati fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u mhux eskluż li jitressqu l-Qorti b’arrest b’akkużi relatati ma’ traffikar u pussess ta’ droga aggravat.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli fejn ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.