Fid-dawl tal-fatt li qed iseħħu diversi effetti negattivi fuq is-soċjetà kkawżati minn żieda insostenibbli fil-kostruzzjoni mingħajr pjanar serju għall-gżejjer Maltin min-naħa tal-Gvern, Din l-Art Helwa tesprimi l-appoġġ sħiħ tagħha għall-appell lill-awtoritajiet biex jisimgħu t-tħassib li dejjem qed jikber minn ħafna komunitajiet.
Komunitajiet li qed jaraw il-lokalitajiet tagħhom mhedda minn kostruzzjoni bla xkiel. Il-qerda tal-wirt naturali ta’ pajjiżna qed tbiddel b’mod drammatiku u irriversibbli n-natura arkitettonika distintiva, il-pajsaġġ tat-toroq, u l-orizzont tal-bliet u rħula tagħna, li evolvew b’mod mill-isbaħ fuq bosta ġenerazzjonijiet, u li issa qegħdin jiġu kompromess u jinsabu anke f’riskju li jintilfu.
Din l-Art Helwa twissi kontra l-attentati mill-Gvern li jikklassifikaw bħala rigressivi n-numru dejjem jikber ta’ residenti u Kunsilli Lokali, li qed joġġezzjonaw għal proġetti li huma jemmnu li jaffettwaw ħażin il-lokalitajiet tagħhom. Il-gvern għandu jisma’ lin-nies, aktar milli jmexxi ‘l quddiem b’ekonomija mill-iżviluppatur b’benefiċċji għal żmien qasir biss.
Din l-Art Ħelwa sostniet li l-futur m’għandux ikun imfassal biss fuq il-faxxinu ta’ akkomodazzjoni għas-sinjuri, iżda minn spazji urbani maħduma b’attenzjoni, li jibnu fuq il-wirt għani tagħna.
//= $special ?>