Maximillian Ciantar ta’ 28 sena mill-Marsa ġie kundannat disa’ xhur ħabs wara li nstab ħati mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li fl-1 ta’ Lulju, 2014 tajjar mara fil-Marsa u li baqa’ dieħel f’karozza. Ciantar kien kiser dufrejh mal-ġustizzja l-ewwel darba meta kien instab ħati li tajjar tewmien bniet ta’ 11-il sena f’Ħ’Attard fl-2010 minn fuq zebra crossing.
Ciantar tressaq diversi drabi l-Qorti minn dak inhar tat-tewmien ‘l hawn u f’dan il-każ huwa tressaq mixli b’14-il akkuża. Fil-fatt il-Qorti ikkundannatu wkoll sentenza sospiża ta’ tmien xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li kiser ordni ta’ probation.
Il-Qorti reġgħet issospenditlu wkoll il-liċenzja tas-sewqan għal sentejn oħra.
Il-każ kien solvut grazzi għal ħidma mill-Pulizija tal-Għassa tal-Ħamrun, immexxija mill-Ispettur Robert Vella. Ciantar, li fl-2010 weħel sentenza ta’ priġunerija wara li tajjar tewmien bniet f’Ħ’Attard u baqa’ sejjer, reġa għamel l-istess.
F’dan il-każ huwa kien reġa’ ħarab minn fuq il-post ta’ incident tat-traffiku din id-darba fil-Marsa, ftit metri ’l bogħod minn fejn joqgħod.
L-inċident kien seħħ kmieni wara nofsinhar fi Triq Zerafa meta kien qed isuq karozza Renault Megane li hija ta’ ommu u ħabat ma’ karozza Toyota Aygo misjuqa minn mara.
Kif seħħet il-ħabta, il-mara ħarġet mill-karozza tagħha u ġibdet l-attenzjoni ta’ Ciantar li kien laqtilha l-karozza. Mill-provi rriżulta li persuni li kienu fit-triq ta’ fejn seħħ l-inċident semgħu lil Ciantar jgħid b’ton arroganti lill-mara, li jekk riedet seta’ jerġa’ jaħbat magħħha u deher isuq fid-direzzjoni tal-karozza tal-mara u reġa’ laqatha.
Ingħad ukoll li Ciantar saħansitra anke nstema’ jhedded lill-mara li kien se jgħaddi minn fuqha filwaqt li deher jitlaq minn fuq il-post tal-inċident. Kif sar rapport mal-Pulizija, bdiet tfittxija għalih u għall-karozza. Il-Pulizija tal-RIU marru jfittxuh il-Marsa fejn qed joqgħod kif ukoll għand ommu u fejn jaħdem missieru, iżda t-tfittxijiet irriżultaw fin-negattiv.
Kien aktar tard li l-Pulizija tad-Distrett mill-Għassa tal-Ħamrun fi tfittxija li għamlu f’Ħal Qormi, sabu lil Ciantar fir-residenza ta’ nanntu imma l-ebda sinjal tal-karozza. Ciantar instab ma jiflaħx, u x’aktarx taħt l-effetti tad-droga. Fil-fatt huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Huwa nstab ħati wkoll li kien involut f’inċident tat-traffiku u baqa’ sejjer, u li saq mingħajr liċenzja tas-sewqan. Ciantar kien jabbuża mid-droga tant li fl-2012 huwa kien instab ħati ta’ pussess ta’ eroina meta kien l-Isptar Mater Dei. Sena qabel inbgħat il-Ħabs ta’ Kordin meta nstab ħati li hedded lill-ġurnalisti fil-Qorti li kienu qed jisimgħu il-kawża li l-istess Spettur Robert Vella kien ressqu talli saq meta kellu l-liċnzja sospiża u għalhekk mar kontra l-ordni tal-Qorti.
Ir-rekord ta’ Ciantar imur ukoll għal April 2010 meta tajjar lit-tewmin Sarah-Marie u Rebecca Falzon li kellhom 11-il sena u baqa’ sejjer. Sarah-Marie għamlet xi żmien f’koma u fil-periklu tal-mewt. L-inċident kien ġara fi Triq il-Warda u Ciantar kien għaddej b’veloċitá ta’ aktar minn 100 kilometru fis-siegħa u kien tajjar lit-tewmin meta kienu qed jaqsmu minn fuq “zebra crossing”.
Dwar dan il-każ huwa kien weħel sentejn Ħabs imma ħareġ wara 16-il xahar. Anke s-sospensjoni tal-liċnzja tas-sewqan minn għaxar snin tnaqsitlu għal 16-il xahar. Għal Ciantar deher l-Avukat Joe Brincat.
//= $special ?>