Lokali

Tarbija ta’ tmien xhur f’qagħda kritika minħabba infezzjoni rari

Tarbija ta’ tmien xhur tinsab f’qagħda kritika u ġiet rikoverata fl-Isptar Mater Dei għall-kura hekk kif żviluppatilha infezzjoni kkawżata minn mikrobu.

Għalkemm il-mikrobu jista’ jwassal għall-meninġite, f’dan il-każ partikolari dan immanifesta ruħu fid-demm tat-tarbija, infezzjoni magħrufa aħjar bħala settiċemija. Ta’ kull sena, pajjiżna jara madwar ħames każi ta’ settiċemija, li hi rari fost it-tfal.

Dan ifisser li, għalkemm dan hu t-tielet każ ta’ mard rari fit-tfal f’ġimgħatejn, dan tal-aħħar mhux każ ta’ meninġite. Ta’ min jinnota li anke fiż-żewġ każi preċedenti, it-tip ta’ infezzjoni kienet differenti waħda mill-oħra u li t-tfal ma kellhom l-ebda konnessjoni jew kuntatt ma’ xulxin.

It-tarbija qed tinżamm fl-NPICU, li hi l-ITU tat-tfal, b’mod iżolat minn trabi oħra biex ikun żgurat li l-mikrobu ma jitteħidx minn pazjenti oħra. Sadattant qed isir ukoll assessjar tas-sitwazzjoni biex ikun żgurat li persuni li setgħu kienu f’kuntatt mat-tarbija ma daħlux f’riskju huma wkoll.

Id-dettalji dwar dan il-każ ingħataw waqt laqgħa mal-midja mill-Awtoritajiet tas-Saħħa fosthom id-Direttur Mediku tal-Isptar Mater Dei, Walter Busuttil, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci u l-Konsulent tat-tfal Paul Soler.

Huma assiguraw li m’hemm l-ebda lok ta’ allarm li f’pajjiżna hawn xi tip ta’ epidemija, la fl-isptar u lanqas fil-komunità. Innutaw li t-tliet każi riċenti huma separati minn xulxin u kien b’mod koinċidentali li dawn kollha żviluppaw f’perjodu tant qrib ta’ xulxin. Spjegaw li ta’ kull sena pajjiżna jkollu ammont żgħir ta’ każi simili ta’ mard rari.

Huma rringrazzjaw lit-tobba u impjegati kollha tal-Isptar Mater Dei, li faħħruhom għax-xogħol tagħhom u l-mod kif aġixxew f’dawn il-każi fejn dak kollu possibbli sar u qed isir kif suppost.

Sadattant, waqt li t-tifel ta’ erba’ snin li kien infettat bil-meninġite sfortunatament tilef ħajtu, it-tarbija l-oħra għadha qed tingħata l-kura għalkemm qalbet għall-aħjar.