Lokali

Aktar inkonvenjenzi fi Triq tal-Balal

Eluf ta’ xufiera li jużaw is-servizz tat-Triq tal-Balal, ta’ kuljum qed ikomplu jsibu ma’ wiċċhom inkonvenjenzi kbar minħabba t-traskuraġni fl-ippjanar tal-proġett.

Xufiera li tkellmu ma’ NET News spjegaw kif it-taħwid qed iwassal biex, fost l-oħrajn, filli jsibu parti mit-triq b’żewġ lanes u f’salt, din tonqos għal lane waħda … mingħajr tabelli ta’ notifika.

Bl-istess mod, wieħed jista’ jinnota li partijiet sostanzjali mill-bankini jinsabu maqlugħa, bl-iskuża li minnhom għaddejjin is-servizzi. Iżda ħadd mill-awtoritajiet ma jidher li qed jagħti kas kif, ladarba jkun id-dlam, wieħed jista’ faċilment iweġġa’ għax ma jindunax bil-ħofra.

Is-sitwazzjoni f’din it-triq qed tkompli żżid l-inkonvenjent lix-xufiera, fost l-oħrajn anke b’xi inċident. Fil-fatt, f’24 siegħa, din it-triq rat żewġ inċidenti, b’persuna minnhom sofriet minn feriti gravi.

Il-persuni li tkellmu ma’ NET News qalu li din is-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ għaddejja kif inhi. Innutaw kif li kieku proġett bħal dan sar minn fondi tal-Unjoni Ewropea, kien ikun hemm aktar dixxiplina fl-immianiġġjar tal-proġett.

Iżda ladarba dan mhux il-każ, ir-residenti qed ikollhom ibatu minn inkonvenjenzi ta’ trabijiet u tibdil kontinwu mingħajr ma għad għandhon indikazzjoni ċara ta’ meta se jitlesta dan il-proġett.