Lokali

Ikomplu l-battibekki bejn l-MCAST u l-MUT

Ikomplu d-diverġenzi bejn l-MCAST u l-MUT, il-Union tal-Għalliema li tirrappreżenta l-maġġoranza tal-impjegati ta’ dan il-kulleġġ. Dan hekk kif fl-aħħar sigħat reġa’ kellna botta u risposta oħra bejn il-Union u l-amministrazzjoni tal-MCAST.

Fi stqarrija, l-MUT lmentat li madwar 40 persuna li jinsabu fi gradi ta’ lecturers irċivew ħlasijiet ħżiena fl-ewwel paga tal-2019 wara li saru kalkulazzjonijiet ħżiena fir-rigward tas-salarju u ħlasijiet b’lura li kellhom – fi kliem semplici, inħarġu pagi ħżiena.

L-MUT qalet li l-ilmenti tal-lecturers igiddbu d-dikjarazzjoni tal-MCAST fl-aħħar jiem, meta ntqal li l-lecturers kollha huma kuntenti b’dak li rċivew … bil-union takkuża lill-amministrazzjoni li mhix timxi mal-ftehim kollettiv.

L-MCAST min-naħa tagħha qalet li l-każi huma 39 u mhux 40 minn total ta’ 860 salarju li ħareġ fil-25 ta’ dan ix-xahar.

L-Amministrazzjoni tiddikjara wkoll li diġa għaddejjin diskussjonijiet biex 20 minn dawn l-ilmenti, li huma dwar is-salarji,  jitranġaw. Tispjega wkoll li d-19-il każ l-ieħor għandu x’jaqsam mal-allowances li xorta se jiġu indirizzati minkejja li mhux relatati mal-kalkoli fuq is-salarji jew arretrati.

Fl-istess waqt, l-MUT ħabbret li qed tissospendi d-direttivi bl-iskop li jkomplu d-diskussjonijiet li għaddejjin mal-amministrazzjoni tal-Kulleġġ. Madankollu wissiet li jekk it-time-frames stipulati ma jiġux osservati, lesta teskala l-azzjonijiet industrijali.

F’nofs dan kollu hemm l-istudenti, li sat-Tlieta stess komplew jikkuntattjaw lil dan l-istazzjon biex jilmentaw li fost oħrajn għadom lanqas irċivew ir-riżultati ta’ xogħol li għamlu fil-bidu tas-sena skolastika.

Għadhom ukoll mingħajr l-ittra li għandhom bżonn biex jingħataw l-approvazzjoni sabiex jibdew jiġbru l-informazzjoni għat-teżi tagħhom. Dan meta t-teżi finalizzata trid tkun preżentata sa Ġunju. Għad hemm ukoll studenti bla stipendju, minkejja li issa għaddew xhur mill-bidu tas-sena skolastika.

Sadattant, fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, l-Iżvilupp Uman u l-Ħiliet għas-Seklu 21 Clyde Puli, il-Partit Nazzjonalista appella biex il-Gvern minnufih jikkoreġi l-iżbalji li saru fil-ħruġ tas-salarji tal-għalliema u jidħol f’diskussjoni serja biex tinstab soluzzjoni minnufih għall-issues kollha pendenti l-oħra li fadal, li jinkludu wkoll il-gradi u l-iskali tal-għalliema fl-MCAST.

Il-Partit Nazzjonalsita esprima diżappunt li bl-attitudni tiegħu li jinjora lill-għalliema, l-Gvern qiegħed juri biċ-ċar li m’għandux pjan biex iħares din il-professjoni li tant hija importanti għall-formazzjoni ta’ uliedna.