Lokali

Il-Gvern għandu jieħu b’serjetà lill-għalliema fl-MCAST

Il-Gvern qala’ kwistjoni għalxejn mal-għalliema tal-MCAST u issa fl-għaġġla sabiex iwaqqaf l-azzjonijiet li ttieħdu mir-rappreżentanti tagħhom spiċċa biex 39 għalliem ingħataw is-salarju ħażin.

Fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, l-Iżvilupp Uman u l-Ħiliet għas-Seklu 21 Clyde Puli jingħad li dan kollu juri li fil-verità l-Gvern ma jimpurtahx mill-għalliema u s-sitwazzjoni li ġab b’idejh stess fl-MCAST għadha ma ġietx risolta.

“Li kieku ħallas il-pagi meta u kif kellu jħallashom, l-għalliema tal-MCAST qatt ma kien ikollhom għalfejn jieħdu azzjonijiet industrijali. In-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern għall-għalliema fl-MCAST jidher ċar ukoll għall-fatt li mekkaniżmu għar-rifużjonijiet f’work resources lill-għalliema għadu ma ġiex iffinaliżżat meta dan kellu jibda’ jitħaddem mill-bidu ta’ dan ix-xahar.”

Fid-dawl ta’ dan il-Partit Nazzjonalista jappella biex il-Gvern minnufih jikkoreġi l-iżbalji li saru fil-ħruġ tas-salarji tal-għalliema u jidħol f’diskussjoni serja biex tinstab soluzzjoni minnufih għall-issues kollha pendenti l-oħra li fadal, li jinkludu wkoll il-gradi u l-iskali tal-għalliema fl-MCAST. Bl-attitudni tiegħu li jinjora lill-għalliema, l-Gvern qiegħed juri biċ-ċar li m’għandux pjan biex iħares din il-professjoni li tant hija importanti għall-formazzjoni ta’ uliedna.