“Il-Kummissjoni Ewropea ma tapprovax l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti. Konna ċari fir-rapport li ppubblikajna u nibqgħu ninsistu mal-pajjiżi li jbiegħu ċ-ċittadinanza biex jikkooperaw magħna u jkunu trasparenti.” Dan qalitu l-Kummissarju Ewropew Vera Jourova waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew, ftit jiem biss wara li l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat rapport bi kritika ħarxa dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.
Id-dibattitu kien indirizzat ukoll mill-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola, li kienet hi qajjmet il-kwistjoni tal-bejgħ tal-passaporti u staqsiet lill-Kummissarju jekk il-Kummissjoni Ewropea tapprovax din l-iskema. Hi qalet li jekk vera rridu nindirizzaw it-tħassib taċ-ċittadini, irridu nassiguraw li l-bejgħ taċ-ċittadinanza fl-Ewropa jieqaf.
L-MEP Metsola kkritikaw bil-qawwi l-iskema tal-Gvern tal-bejgħ tal-passaporti, u qalet, “Hawnhekk, mhux qed nitkellmu biss dwar passaporti. Fil-verità, n-nies qed jixtru d-drittijiet li ċ-ċittadinanza tal-UE tagħti ċ-ċittadini. Id-drittijiet marbuta mal-moviment ħieles, ta’ vjaġġar mingħajr bżonn ta’ viża, regoli dwar persuni minn terzi pajjiżi li għandhom negozju, u anke regoli dwar il-votazzjoni u l-kandidatura għall-elezzjonijiet. Ejja nkunu ċari, minkejja l-mod kif il-lobby qed jipprova jbiegħha, il-bejgħ taċ-ċittadinanza m’għandu x’jaqsam xejn ma’ investiment. Xejn. Hu biss skambju ta’ flus għal drittijiet, mingħajr ebda rabta ġenwina mal-Istat Membru.”
Filwaqt li rreferiet għall-fatt li qed jinbiegħu l-passaport waqt li l-immigranti jitħallew fuq il-baħar, l-MEP Metsola qalet, “Qed inbiegħu eluf ta’ passaporti fi żmien meta l-populisti qed jipprova jagħtu impressjoni ta’ Ewropa li tinsab il-ħin kollu fi kriżi għaliex ma nistgħux naġixxu fuq 49 tfal, nisa u rġiel li jinsabu friżati fuq dgħajsa jitolbu għal kenn. L-ipokresija hi inkredibbli.”
Il-bejgħ tal-passaporti jiftaħ il-bieb għall-ħasil ta’ flus – Kummissjoni Ewropea
//= $special ?>