Il-Partit Laburista meta kien fl-Oppożizzjoni kien adotta l-kejl tal-korruzzjoni maħruġ minn Transparency International. Bil-kejl tiegħu stess, issa joħroġ li l-Gvern Laburista hu l-aktar Gvern korrott li qatt kellha Malta.
Dan qalu l-Kap tal-PN Adrian Delia fíntervista imxandra illejla Waqt il-programm Net Live.
Fl-aħħar sena, il-Gvern ta’ Joseph Muscat kompla jogħdos sew fil-korruzzjoni b’waqgħa ta’ ħames postijiet, mis-46 għall-51 post fid-dinja. Bil-kejl ta’ Joseph Muscat stess, il-Gvern Laburista hu aktar korrott mill-Gvernijiet ta’ pajjiżi fejn m’hemmx demokrazija u huma mmexxija minn reġimi.
Dan huwa riżultat tas-sensiela sħiħa ta’ skandli ta’ korruzzjoni, tixħim u ħasil tal-flus li daħħal lil Malta fihom il-Partit Laburista fil-Gvern u li wasslu għall-kundanna ta’ diversi istituzzjonijiet Ewropej. L-aħħar kundanna waslet propju fil-jiem li għaddew minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza fil-bejgħ tal-passaporti li spiċċa biex tefa’ lil pajjiżna taħt il-lenti tal-Kummissjoni Ewropea.
Fi kliem konsulent ta’ Transparency International, li ġie kkwotat mill-midja indipendenti, l-iskandli li fihom kien involut il-Gvern fosthom il-kumpaniji sigrieti fil-Panama, il-bank Pilatus u l-bejgħ tal-passaporti kollha ħallew impatt qawwi fuq il-kejl ta’ pajjiżna f’dan ir-rapport. L-istess konsulent għal Transparency International jagħmel referenza għar-rapport tal-Kummissjoni Venezja, li indikat diffikultajiet u problemi serji biex tiġi mħarsa s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Il-Kap tal-PN qal illi fid-dawl ta’ dawn is-sensiela ta’ rapporti dwar il-korruzzjoni, li qed jikkundannaw lill-Gvern, Joseph Muscat għandu minnufih jerfa’ r-responsabbilità politika u ma jkomplix jagħmel aktar ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Dan għaliex il-korruzzjoni għandha prezz qares li minnha se jispiċċaw isofru n-nies.
Fi kliem Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiġġieled il-korruzzjoni b’kull mezz u se jibqa’ jaħdem għat-tisħiħ tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna, li nbniet matul iż-żmien bl-għaqal u l-bżulija tan-nies, il-ħaddiema u l-professjonisti.
//= $special ?>