Internazzjonali

Il-President Ukren Poroshenko jipprova għal tieni mandat

Il-President tal-Ukrajna, Petro Poroshenko, li hu sostenitur tal-Punent, inawgura l-kampanja għal tieni mandat ta’ poter (fuq ħames snin) quddiem eluf ta’ partitarji. Dan meta l-pajjiż qed iħejji għal elezzjoni ferm missielta li ssir f’Marzu.

Poroshenko mexxa lill-Ukrajna eqreb tal-Istati tal-Punent u l-Alleanza tan-NATO mindu kiseb il-poter wara li r-Russja kienet ħatfet it-territorju tal-Krimea (mingħand l-Ukrajna) u għaqqditha ma’ artha.

Fost il-prioritajiet politiċi ta’ Poroshenko hemm l-applikazzjoni tal-Ukrajna biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea sal-2014. Hu wiegħed ukoll li qorti speċjali li tipproċessa l-każi tal-korruzzjoni se tkun qed tiffunzjona f’pajjiżu qabel l-aħħar tas-sena.

Intant il-popolarità ta’ Poroshenko naqset minħabba l-isforzi ‘nofs-qalb’ fil-konfront tal-korruzzjoni u l-fatt li l-President Ukren ma konkludiex il-konflitt mas-separatisti favur ir-Russja fir-reġjun ta’ Donbass ( lejn il-lvant tal-Ukrajna) li ħalla eluf ta’ mejtin.

Hu, fl-istess ħin, ma rnexxilux jgħolli l-livell tal-għajxien fl-Ukrajna, li hi fost l-ifqar pajjiżi tal-Ewropa.

L-isfidanti ewlenin ta’ Poroshenko fl-elezzjoni li jmiss huma l-eks Prim Ministru tal-Ukrajna, Yulia Tymoshenko u l-eks-komiku, Volodymyr Zelenskiy, li ftit għandu esperjenza fil-kamp politiku.