Id-deputati fil-House of Commons tar-Renju Unit ivvutaw kontra proposta biex it-tluq tal-pajjiż mill-Unjoni Ewropea (Brexit) – li hu skedat għad-29 ta’ Marzu – ikun pospost għal data oħra bil-għan li l-pajjiż ma jitlaqx mingħajr ftehim mal-Unjoni.
L-emenda li tressqet mid-deputat Laburista Yvette Cooper ma għaddietx mill-Parlament bi 23 vot.
Id-deputati f’Londra qegħdin jivvutaw għall-bidliet fil-pjan tal-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, dwar Brexit qabel hi tipprova tressqu għal negozjati ġodda mal-UE.
May ħeġġet lid-deputati biex jappoġġjaw emenda oħra li tipproponi ‘arranġamenti alternattivi’ għall-pjan kontroversjali tal-‘backstop’ li għandu jżomm il-fruntiera tal-Irlanda miftuħa, f’każ li Brexit isir mingħajr ftehim. May qalet li dan l-appoġġ jagħtiha mandat biex tirritorna fi Brussells u tiftaħ mill-ġdid in-negozjati mal-UE għall-bidliet fil-‘backstop’.
Il-pjan tal-‘backstop’ jipprovdi speċi ta’ garanzija fil-pjan ta’ May biex il-movimenti ta’ nies u prodotti mill-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq ma jkunux suġġetti għall-kontrolli. Numru ta’ deputati f’Londra, intant, qed jinkwetaw li sitwazzjoni ta’ backstop għandha tħalli lir-Renju Unit marbuta indefinittivament mar-regoli tal-Unjoni.
Il-kwistjoni tal-backstop hi parti kbira mir-raġuni għalfejn il-ftehim oriġinali ta’ May dwar il-Brexit sofra disfatta hekk kbira fil-vot tal-Parlament Britanniku, aktar kmieni fix-xahar. Min-naħa tagħha, May qed tammetti li l-UE ‘mhix se tkun ħerqana’ għall-bidliet fil-ftehim iżda temmen li kapaċi tasal għalihom permezz tad-djalogu.
Qabel l-aħħar vot fil-House of Commons, May iddiskutiet il-kwistjoni mal-mexxejja ewlenin tal-Unjoni Ewropea – li min-naħa tagħha qalet li mhix se terġa tiftaħ in-negozjati u tibdel il-kliem legali tal-ftehim li qablet dwaru l-Prim Ministru Britanniku.
Il-Parlament Britanniku għadu qed jivvota fuq numru ta’ emendi wara li ma kenux aċċettati tliet emendi oħra għall-pjan ta’ May. Dan meta Theresa May illum wiegħdet lid-deputati li l-voti inkwistjoni ‘mhumiex se jkunu l-aħħar ċans tagħhom biex jesprimu l-fehmiet dwar Brexit.’
//= $special ?>

