Il-ġellieda tal-grupp terroristiku ISIS spiċċaw iżolati fl-aħħar fortizza tagħhom lejn il-lvant tas-Sirja u meta magħhom hemm in-nisa u t-tfal tagħhom. Dan qaluh kelliema għall-Qawwiet Demokratiċi tas-Sirja taħt tmexxija tal-Kurdi, b’dawn il-milizji – alleati tal-Istati Uniti – qegħdin iżommu lura fl-avvanz fuq l-ISIS biex ‘jipproteġu liċ-ċivili fl-inħawi’.
Intant, rapporti oħra mis-Sirja qalu li mal-10,000 ċivili ħarbu mill ‘fortizza tal-ISIS’ fl-aħħar jiem u li dawn waslu f’kamp ‘fi stat ta’ disprament assolut’.
Il-qawwiet Kurdi tas-Sirja — megħjuna min xi 2,000 suldat Amerikan u li qed jingħataw ukoll appoġġ mill-ajru — qegħdin iħejju għall-aħħar konfront mal-ISIS fil-Lvant tas-Sirja. Dan wara li t-terroristi tkeċċew mill-ibliet Sirjani li darba kienu jiffurmaw parti mill-hekk-imsejjaħ ‘kalifat’ tal-ISIS.
Qed jingħad li l-ġellieda tal-ISIS jinsabu ‘magħluqin’ ġo zona żgħira ta’ sitt kilometri kwadri, qrib ix-Xmara Ewfrati. Il-preżenza tan-nisa u t-tfal tat-terroristi tfisser li l-milizji Kurdi ma jistgħux jiftħu offensiva ‘totali’ fuq iz-zona u qed jaddottaw tattiċi militari ‘aktar preċiżi’.
Il-kelliema għall-Qawwiet Demokratiċi tas-Sirja qalu li hemm eluf ta’ familji ‘tal-ISIS’ fiz-zona u qegħdin iżommu lura milli jipperikolaw lin-nisa u t-tfal, ‘li wara kollox huma ċivili’. Il-qawwiet taħt it-tmexxija tal-Kurdi, intant, irrifjutaw offerta mingħand it-terroristi ( u permezz tal-medjaturi) biex l-ISIS iċedu t-territorju bil-patt li joħorġu minn hemm taħt garanziji tas-sigurtà.
//= $special ?>

