Lokali

Is-sitwazzjoni fil-Ħabs “mill-ħażin għall-agħar”

Jekk il-priġunieri tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jgħidu li huma trattati ħażin u b’mod xejn dinjituż, il-Gwardjani tal-Ħabs mhux meqjusa ħafna aħjar. Anke l-Gwardjani jkollhom jobdu l-ordnijiet minn fuq, b’bosta minnhom ma jkunux jagħmlu sens jew b’ċerti aġendi moħbija.

Dan ħareġ minn ittra, ippubblikata mill-ġurnal In-Nazzjon, mibgħuta minn Gwardjan impjegat fil-Faċilità Korrettiva. Fl-ittra, il-Gwardjan jgħid li xtaq ikun preżenti fil-programm “Sorsi Infurmati”, fuq NET Television, għax dak li ngħad s’issa hu kollu veritier.

Iżda nnota kif ftit li xejn qed issir referenza għall-mod kif qed ikunu trattati l-Gwardjani. Fl-ittra tiegħu, hu nnota li huma jidhru koroh meta jidħlu fis-seħħ ċerti deċiżjonijiet, iżda esprima s-simpatija tiegħu u tal-kollegi tiegħu għall-priġunieri, li qed ikollhom kastig akbar milli ħaqqhom bis-sitwazzjoni preżenti fil-Ħabs.

Il-Gwardjan kompla jispjega li huma jwasslu kull talba li ssirilhom mill-priġunieri biex ikellmu lid-Direttur tal-Faċilità jew lil xi Assistent tiegħu, iżda dawn l-Uffiċjali qatt ma jaċċettaw għax jgħidu li jkunu mħabbtin ħafna.

Dwar id-droga, fl-ittra tiegħu, il-Gwardjan qal li hu minnu li din qed tkompli tikber fil-Ħabs.
Għax minkejja li t-tmexxija tal-Faċilità qatgħet ħafna affarijiet b’suċċess, mhux l-istess jista’ jingħad għall-volum tad-droga, li fi kliemu “żdiedet fuq li żdiedet”. Tant hu hekk, li min daħal fil-Ħabs mingħajr il-vizzju tad-droga, issa sar jieħodha minn hemm ġew.

Filwaqt li kkonferma għadd ta’ rapporti li priġunieri stqarrew fil-jiem u l-ġimgħat li għaddew ma’ In-Nazzjon, il-Gwardjan kiteb li s-sitwazzjoni kompliet tmur mill-ħażin għall-agħar. Tant hu hekk, li minkejja l-kesħa li qed tagħmel f’dawn il-jiem, hu kundannabbli li l-priġunieri qed ikunu kkastigati billi jintbagħtu f’Diviżjoni Sitta, li hi meqjusa bħala kkundannata.

Filwaqt li stqarr li kien emmen li l-affarijiet se jinbidlu għall-aħjar, għarralu għax ma jemminx li l-priġunieri għandhom jiġu trattati bi kliem ħażin, theddid, bullying u stediniet għall-ġlied.