Il-Gvern mhux qed jagħmel ħiltu kollu sabiex iħares ir-reputazzjoni tajba li dejjem kellu pajjiżna u b’hekk jiġi mħares ukoll l-investiment li jsir mill-privat, u li joħolqu l-postijiet tax-xogħol.
Iddikjara dan il-Partit Nazjzonalista fi stqarrija mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, s-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazzjoni Kristy Debono wara li ġie rrappurtat fil-midja kif kumpanija tal-gaming reġistrata f’Malta tinsab taħt skrutinju b’rabta ma’ investigazzjoni relatata mal-Panama Papers, li qed issir f’pajjiżi ieħor Ewropew.
In-nuqqas tal-ħarsien tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna qed iwassal biex ma jsirx investiment ta’ kwalità, bħalma ġara fil-każ tal-kumpanija tal-blockchain, li għalqet wara biss 9 xhur u spiċċat biex keċċiet il-ħaddiema. Dan meta din l-istess kumpanija kellha tagħmel minn Malta l-blockchain island.
Jekk il-Gvern għandu verament għal qalbu l-ħolqien tal-impjiegi għandu b’serjetà jħares ir-reputazzjoni ta’ Malta, b’mod speċjali setturi tant importanti għall-ekonomija bħalma huma l-gaming u s-servizzi finanzjarji. Dan biex insaħħu l-kredibbilità tagħna u nkunu f’pożizzjoni li nistgħu nattiraw investimenti innovattivi u ġodda.
//= $special ?>