Lokali

L-Oppożizzjoni titlob biex il-ftehim bejn il-Gvern u l-Corinthia jitressaq quddiem il-Parlament

Bl-għan li tkompli tkun magħrufa l-verità dwar kif il-propjetà tal-poplu Malti u Għawdxi qed tinbigħ bix-xejn mill-Gvern ta’ Muscat, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tinsisti bil-mistoqsijiet tagħha u li l-poplu wkoll qed jagħmel. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jwassal il-vuċi tal-poplu fil-Parlament.

Fid-dawl ta’ dan, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu Robert Arrigo staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi biex ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Memorandum of Understanding miftiehem bejn il-Gvern u l-Grupp Corinthia ħalli tassew ikun hemm trasparenza.

Robert Arrigo staqsa għaliex dan il-Memorandum of Understanding baqa’ qatt ma tressaq quddiem il-Parlament. Dan iwassal għat-tħassib ta’ ħafna dwar jekk hemmx ftehim oħrajn li l-Gvern Laburista għamel matul is-snin u li l-poplu s’issa għadu qatt ma sema’ bihom.

Il-ftehim bejn iż-żewġ naħat wassal biex medda ta’ art li tiswa €800 miljun ingħatat bi ftit miljuni ta’ ewro. Dan wassal għall-kritika ta’ ħafna, fosthom tal-Partit Nazzjonalista, ta’ għaqdiet ambjentali u ta’ Kunsilli Lokali. Barra minhekk, resident mis-Swieqi fetaħ Protest Ġudizzjarju għax qal li l-proġett se jwassal għal impatt fiż-żona, filwaqt li se jwassal għal ksur ta’ diversi Kodiċi Ċivili.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jipprova jgħatti dan l-iskandlu billi jqabblu mal-ftehim li Gvern Nazzjonalista kien għamel biex tinbena Smart City. Madankollu, esperti fis-settur spjegaw lil NET News li l-argument użat minn Muscat ma jagħmilx sens.

Dan hekk kif il-medda art fir-Rikażli kienet mitluqa u abbandunata qabel ma beda l-proġett ta’ Smart City. Għaldaqstant, il-valur tal-art dak iż-żmien kien wieħed baxx ħafna, għall-kuntrarju ta’ kif dan il-prezz issa għola grazzi għal dak il-proġett internazzjonali.

Min-naħa l-oħra, komplew jispjegawlna l-esperti, il-valur tal-art f’San Ġiljan diġà hu għoli. U allura, wiehed ikun qed iqarraq jekk iqabbel iż-żewġ sitwazzjonijiet.