Il-Prim Ministru Palestinjan, Rami Al-Hamdallah, ippreżenta r-riżenja tiegħu u tal-Gvern għall-għaqda lill-President tal-Palestinjani, Mahmoud Abbas. Intant, il-pass qed jitqies bħala daqqa ta’ ħarta għall-isforzi ta’ rikonċiljazzjoni mal-mexxejja Iżlamiċi militanti fil-Medda ta’ Gaza.
L-aħbar ingħatat wara laqgħa tal-Kabinett f’Ramallah u fejn ingħad li l-Gvern se jkompli jaqdi dmiru sakemm tkun iffurmata amministrazzjoni (Palestinjana) ġdida.
Il-grupp Fatah, tal-President Abbas, kien irrakkmanda, ftit tal-jiem ilu, biex il-Gvern ta’ Hamdallah ‘jispiċċa mibdul’ – b’uffiċjali tal-Hamas jikkundannaw l-aħħar taqlib fil-Gvern Palestinjan bħala ‘attentat biex l-istess grupp tal-Hamas jispiċċa eskluż mill-politika għall-Palestinjani’.
Hamdallah kien mexxa lill-Gvern Palestinjan għall-għaqda (iffurmat fl-2014 u li għandu l-bażi fix-Xatt tal-Punent) flimkien mal-isforzi ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-Fatah u l-Hamas li ilu jamministra f’Gaza mill-2007.
Iż-żewġ gruppi Palestinjani kienu ffirmaw patt għal rikonċilazzjoni sentejn ilu u li witta t-triq għall-pjan biex l-Awtorità Palestinjana ta’ Abbas terġa’ tibda tmexxi f’Gaza waqt li tieħu kontroll tal-aċċessi minn Gaza lejn l-Eġittu u Iżrael.
Madankollu, l-implimentazzjoni tal-ftehim kienet imxekkla mid-diżgwid dwar proċessi għall-qsim ta’ poter u d-differenzi politiċi fil-konfront ta’ Iżrael.
//= $special ?>

