Lokali

Il-Ministru Evarist Bartolo diżappuntat bil-prodott li qed jitqassam

Frott imħassar u ħaxix qadim huma fost il-ħafna ilmenti li ripetutament qed iwasslu l-ġenituri bħala kritika għall-prodotti li qed jitqassmu lil uliedhom fl-iskejjel.

L-iskema kienet tndiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri f’Mejju tas-sena l-oħra. Skema, b’ko finanzjament tal-Unjoni Ewropea, li se tkun swiet €900,000 sal-2023.

Madankollu, minkejja li f’konferenza tal-aħbarijiet kien ftaħar li dan se jkun frott u ħaxix frisk, u minkejja li issa għaddiet kważi sena, l-iskema wasslet biss biex mijiet ta’ tfal jirrifjutaw li jieklu dak li qed jingħatalhom.

Dan hu dak li kien qal is-Segratarju Parlamentari Clint Micallef lill-istazzjon tal-Partit Laburista.

Il-Gvern trippla l-fondi tiegħu sabiex nassiguraw frott, ħaxix u ħalib bnin għall-istudenti tagħna.

Dan filwaqt li s-Segretarju Permanenti Frank Fabri, dejjem sena ilu fit-tnedija ta’ din l-iskema, ftaħar kemm se titjieb il-kwalità.

Bi pjaċir, minn din is-sena, qed naraw skema iktar imeġġda, b’iktar prodotti ta’ kwalità u iktar varjetà li minnha se jgawdu l-istudenti Maltin u Għawdxin.

Iżda ‘lil hinn mill-ftaħir u l-kliem sabiħ, ir-realtà turi mod ieħor, tant li issa Net News kellu konferma wkoll mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, li esprima ruħu diżappuntat.

Il-Ministru ddikjara li fil-preżent għaddejjin laqgħat ma’ min hu responsabbli li jqassam il-frott u l-ħaxix biex is-sitwazzjoni, skont hu, titjieb. Għalkemm mhux car meta se titjieb.