Lokali Parlament

Il-PL m’għandux ikanta l-innu Laburista…għax saru iktar viċin il-kapitalisti

– Ivan Bartolo, PN

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PL llum lanqas għadu jdoqq u jkanta l-innu Soċjalista li jitratta l-għajnuna lill-fqajrin għaliex sar partit viċin il-kapitalisti.

Fil-parlament Ivan Bartolo qal li minkejja li hawn il-ġid f’ċertu setturi, hawn stejjer ta’ nies foqra u tbatijiet ta’ nies. Hu sostna li fid-djar soċjali l-gvern qed jirriċikla skemi li diġà daħlu fl-2011, twaqqfu fl-2013 u issa l-gvern reġa’ fetaħhom. Dan sar bl-iskema Kiri li l-PL tant kien jikkritika mill-Oppożizzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-mod kif tnaqqset l-importanza lill-kunsilli lokali u qal li 80% tan-nies llum huma sidien ta’ djarhom, grazzi għall-inizjattivi ta’ gvnerijiet Nazzjonalista. Iżda hemm ukoll 100,000 persuna li m’humiex sidien ta’ djarhom. Gvern Nazzjonalista u l-Awtorità tad-Djar kellhom ruħ soċjali u mhux minnu li fil-25 sena ta’ gvern Nazzjonalista ma sar xejn.

Hu semma’ l-2010 bħala eżempju u d-diversi inizjattivi li wettaq gvern Nazzjonalista fis-settur tad-djar u qal li hemm 3,200 applikazzjoni u każ pendenti għad-djar soċjali. L-iżgumbrament illum sploda, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li l-Awtorità għandha tkun sensibbli u sensittività.