Lokali Unjoni Ewropea

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem timponi miżuri temporanji fuq l-Italja

Wara diversi lmenti mill-immigranti kif ukoll mill-membri tal-ekwipaġġ tal-bastiment Sea Watch 3, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxiet ksur tad-drittijiet u imponiet ċerti miżuri temporanji. Hekk kif dawn l-immigranti ilhom f’nofs ta’ baħar għal 11-il jum wara li ġew rifjutati minn Sirakuża, is-Sea Watch jinsisti għal soluzzjoni.

Il-Qorti Ewropea talbet lill-Gvern Taljan biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, malajr kemm jista’ jkun, biex jipprovdi lill-applikanti kollha kura medika, ikel, ilma u provvisti bażiċi adegwati kif meħtieġ. Rigward il-15-il minorenni mhux akkumpanjati, il-Gvern huwa mitlub jipprovdi assistenza legali adegwata.

Is-Sea Watch 3, l-aħħar bastiment ċivili ta’ salvataġġ li kien fadal fiċ-ċentru tal-Mediterran, salva 47 persuna barra mill-kosta tal-Libja. Minn dakinhar l-awtoritajiet Taljani ċaħdu l-vapur u s-salvataġ ta’ dawn l-immigranti. Sussegwentement is-sitwazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ dawn l-immigranti iddeterjorat kontinwament.

It-tabib Frank Dörner sosta li jinsabu ddisprati biex jiġu salvati u ma jibqgħux f’nofs ta’ baħar. Xi wħud mill-immigranti mhux qed jieklu filwaqt li oħrajn qed isiru emozzjonalment instabbli. Uħud minnhom tant huma trawmatizzati u fi stat ta’ dipressjoni li qed jibżgħu minn tendenzi ta’ suwiċidju.

Johannes Bayer, President tas-Sea Watch 3 isostni li l-ekwipaġġ tas-Sea Watch 3 jilqa’ d-deċiżjoni minn Strasburgu peress li turi li l-qorti qed tirrikonoxxi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, minħabba l-imblokk illegali ta’ dan il-vapur. Iżda jgħid li dan mhux biżżejjed.

“Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem titlob ħobż u ilma. Aħna nitolbu li jintemm it-teħid politiku ta’ ostaġġi.”