Id-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Appelli tal-bieraħ twassal messaġġ ċar li min jokkupa kariga fil-Gvern ma jistax ma jagħtix rendikont fejn qed imorru fondi pubbliċi billi jżomm informazzjoni fil-mistur. Dan meta d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, l-Ministru Chris Cardona ma riedx jgħaddi informazzjoni dwar il-paga li qed jagħti lill-eks Chief of Staff tiegħu li qed jimpjegah bħala konsulent tal-Ministeru.
Fi stqarrija l-PN qal li l-fatt li Chris Cardona ma riedx li jagħti l-informazzjoni dwar il-pagi f’konsulenzi lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-pagi f’konsulenzi, juri biċ-ċar kif il-Gvern ma jirrispettax l-awtonomija tal-istituzzjonijiet. Minflok, il-Gvern jippretendi li jaddotta t-tattika tal-bullying biex jgħaddi minn fuq l-istituzzjonijiet u jikkontrollahom.
Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data talab din l-informazzjoni wara li Chris Cardona ċaħad l-istess talba li saritlu mill-midja. Dan meta l-midja indipendenti staqsiet lill-Ministru dwar il-pagi f’konsulenzi li qed jagħti lill-eks Chief of Staff tiegħu, li kien mal-istess Chris Cardona dakinhar tal-vjaġġ f’Dubaj meta ntefqu b’€750 f’xorb alkoħoliku mill-mini bar tal-lukanda, liema każ kien mistħarreġ mill-Uffiċċju tal-Awditur Nazzjonali.
Chris Cardona u l-Ministri l-oħra għandhom jitgħallmu darba għal dejjem li flok jiftaħru li hawn xi rule of law taħt il-Gvern Laburista, għandhom iħallu lill-istituzzjonijiet jiffunzjonaw minflok ixekklu xogħolhom, bħalma rrimarkat ukoll il-Kummissjoni Venezja fir-rapport tagħha.
//= $special ?>