Lokali

Konrad Mizzi jkompli jħammeġ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna

Il-fatt li kumitat importanti tal-Parlament Ewropew dwar financial crimes se jkun qed jistħarreġ il-kumpanija misterjuża 17 Black f’Dubaj hija ta’ tħassib serjissimu għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Għal darb’oħra l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri qed jerġgħu iħammru wiċċ pajjiżna bl-istrutturi ta’ kumpaniji sigrieti li kienu fetħu fil-Panama. Nexia BT kienet iddikjarat li 17 Black kienet se tgħaddi €5,000 kuljum fil-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Ewropej u l-Brexit David Stellini, permezz ta’ stqarrija qal li l-midja kienet kixfet kif is-sid tal-kumpanija 17 Black f’Dubaj huwa Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija li hija parti mill-konsorzju Electrogas, li ntgħażlet biex tibni u tħaddem il-power station il-ġdida f’Delimara. Mir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-power station ħareġ ċar kif Nexia BT kellha rwol ċentrali fl-għażla tal-Electrogas u kif il-Ministru Konrad Mizzi kien preżenti f’laqgħat. Mir-rapport tal-Awditur Ġenerali jirriżulta wkoll li minn din il-power station, il-poplu Malti u Għawdxi qed jispiċċa jitlef €200 miljun kull sentejn. Huwa inkwetanti kif dan il-kumitat se jkun qed jistħarreġ dan kollu wara li, kif irrappurtat fil-midja, t-tweġibiet li ngħataw mir-Rappreżentanza Permanenti, li hija ambaxxata ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea, ma kienux biżżejjed biex iserrħu ras il-Parlament Ewropew.

Il-Ministru Konrad Mizzi għandu jifhem li hu kien l-uniku Ministru Ewropew li spiċċa fl-iskandlu tal-Panama Papers u dan qed ikollu impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u l-perċezzjoni biex isir in-negozju minn investituri internazzjonali. Il-verità hi li l-Ministru Konrad Mizzi kellu jirriżenja minnufih bħalma għamlu persuni oħra li bħalu spiċċaw issemmgħu fl-iskandlu tal-Panama Papers, li kixfu l-ġurnalisti investigattivi internazzjonali. Dan biex tieqaf il-ħsara li qed issir fuq pajjiżna u fuq setturi ferm importanti għall-ekonomija fosthom is-servizzi finanzjarji.