L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) stabbilixxa li kważi kull applikazzjoni deċiża mill-konsolat Malti fl-Alġerija ġiet deċiża f’inqas mill-minimu ta’ 15-il jum stipulat fil-Kodiċi tal-Viżas.
Dan apparti li ma kien hemm ebda viżibilità fuq il-proċess lil hinn mill-punt meta l-Konslu ddeċieda li joħroġ jew jirrifjuta viża, fejn jidħol l-involviment ta’ terzi.
Dan in-nuqqas ta’ viżibilità żied ir-riskju ta’ qerq u xekkel lill-NAO milli jistabbilixxi jekk il-ħruġ ta’ viżi kienx imtawwal intenzjonalment sabiex jinġabru ħlasijiet illeċiti biex jitħaffu.
Dan joħroġ minn investigazzjoni li saret mill-NAO fuq talba tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex l-Awditur Ġenerali jinvestiga l-ħruġ tal-Visas mill-Konsulat Malti fl-Alġerija.
Investigazzjoni li wriet ukoll kif bejn Marzu 2014 u Settembru 2015 saru 14,640 applikazzjoni fl-Alġerija biss. Matul il-perjodu taħt skrutinju, in-numru ta’ persuni li waslu minn u telqu lejn l-Alġerija ammontaw għal 5,083 u 2,664, rispettivament. Mill-5,083 li waslu u l-2,664 li telqu, 3,696 u 882, rispettivament, ivvjaġġaw permezz ta’ viża maħruġa mill-Konsulat. L-NAO stabbilixxa li għal kull erba’ persuni li waslu b’viża maħruġa mill-Konsulat, telqet persuna waħda.
Meta qamu l-allegazzjonijiet, lura fl-2015, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien warrab dawn l-akkużi u qal li ma għandu l-ebda tħassib dwar il-ħruġ tal-Visas għall-Alġerini.
Dan hu dak li kien qal Joseph Muscat fis-Seduta Parlamentari tat-28 ta’ Ottubru tal-2015: “Ħafna drabi l-allegazzjonijiet isiru minn persuni li ma jkunux ingħataw il-viżas, u biex tieħu l-viża jrid ikun hemm xi ħaġa jew oħra,” iddikjara l-Prim Ministru bl-intenzjoni li jipprova jimmina l-akkużi billi jittimbrahom bħala akkużi minn min kien diżappuntat għax ġie rifjutat.
Iżda issa l-fatti juru mod ieħor, hekk kif l-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali sabet li kważi fil-każi kollha, 99.5%, il-Konsulat Malti ma mexiex mal-prassi.
Ir-rapport tal-investigazzjoni tal-NAO stabilixxa wkoll li r-rekwiżiti meqjusa sodisfaċenti għall-ħatra ta’ rappreżentant kummerċjali setgħu kienu inadegwati fl-għażla ta’ konslu fost oħrajn hekk kif dan kellu b’impedimenti fil-lingwa.
Dan apparti li l-post minn fejn kien jopera l-Konsulat iffaċilita l-inċidenza tal-allegazzjonijiet u diffikultajiet li ltaqgħu magħhom applikanti prospettivi meta ppruvaw jiskedaw appuntamenti mal-fornitur estern għas-servizzi tal-Konsulat, il-VFS.
Jissemma’ wkoll li n-nuqqasijiet fil-proċess ta’ għarbiel, attribwiti mill-Konslu għal nuqqas ta’ riżorsi, irriżultaw f’sistema ta’ verifika ta’ applikanti inqas rigoruża minn dik mistennija u li kien hemm ġestjoni fqira tal-kuntratt mal-VFS mill-Konsulat, b’diversi obbligi kuntrattwali mhux osservati min-naħa tal-kuntrattur mingħajr konsegwenza.