L-attakkant Franċiż ta’ Manchester United, Anthony Martial, iffirma kuntratt ġdid ma’ Manchester United li jfisser li hu se jibqa’ plejer tar-Red Devils sal-2024 – bl-għażla li jestendi l-kuntratt b’sena.
Martial, li għandu 23 sena, kien issieħeb lil United mingħand Monaco, ta’ Franza, għal 36 miljun Sterlina, bit-trasferiment ikun konkluż f’Settembru tal-2015. Hu kien sab ix-xibka fid-debutt mar-Red Devils fir-rebħa, 3-1, fuq Liverpool fil-kampjonat.
Intant, l-attakkant skorja tmien gowls fil-Premier League f’dan l-istaġun u, sa fl-aħħar, iffirma dan il-kuntratt wara xhur ta’ taħditiet intensivi mad-diriġenti ta’ United.
Fil-fatt, l-aġent ta’ Martial kien qal, f’Ġunju, li l-plejer ‘xtaq li jitlaq minn Old Trafford’ fost rapporti li l-eksmanager ta’ United, Jose Mourinho, kien ‘ħerqan’ biex jasal fi ftehim ma’ Inter li permezz tiegħu l-attakkant Franċiż kellu jissieħeb mal-klabb Taljan tas-Serie A bi tpartit mal-winger Kroat, Ivan Perisic.
Iżda d-diriġenti ta’ United, fosthom il-Kap eżekuttiv, Ed Woodward, ħasbuha mod ieħor u rnexxielhom jikkonkludu n-negozjati ma’ Martial li hu fost l-aktar plejers promettenti fid-dinja.
Wara l-iffirmar tal-kuntratt, il-manager tar-Red Devils, Ole Gunnar Solskjaer, esprima sodisfazzjon li Martial ikkommetta ruħu fit-tul mal-klabb waqt li tenna li l-Franċiż hu ‘talent eċċezzjonali b’futur kbir fil-logħba’.
Min-naħa tiegħu, Martial irringrazzja lil Solskjaer u l-istaff maniġerjali ‘talli baqgħu jemmnu fih’ u sostna li jħossu kburi ‘li se jkompli jifforma parti mill-familja ‘United’’. L-attakkant kompla li l-appoġġ tal-partitarji f’Old Trafford kien ukoll fattur fid-deċiżjoni tiegħu biex jikkommetta ruħu mal-klabb u meta qed jittama li jgħin biex iġib lura ż-żmenijiet tal-glorja għar-Reds ta’ Manchester.
Martial kiseb lura postu fit-tim ta’ United taħt Solskjaer u, bħallum ġimgħa, kien skorja t-tielet gowl fir-rebħa (3-1) tar-Red Devils fuq Arsenal fir-Raba’ Rawnd tal-FA Cup.
//= $special ?>