Futbol Sport

FUTBOL INGLIŻ: Jurgen Klopp jilmenta dwar il-borra wara t-telf ta’ punti minn Liverpool

Klopp jitkellem dwar is-sitwazzjoni ta' Coutinho

Filwaqt li Liverpool, issa, fetħu vantaġġ ta’ ħames punti f’ras il-klassifika tal-Premier League, il-manager, Jurgen Klopp, xejn ma jinsab kuntent bit-telfa ta’ żewġ punti fid-draw tal-Erbgħa bil-lejl ma’ Leicester City u jemmen li ‘il-borra fil-pitch ta’ Anfield Road’ kienet parti mill-kaġun għal-lejla frustranti għar-Reds.

Liverpool kienu favoriti netti li jibnu vantaġġ sostanzjali fuq iċ-Champions, Manchester City (li jinsabu t-tieni fil-klassifika) wara t-telfa sorpriża tas-Citizens ma’ Newcastle fil-lejl tat-Tlieta. Iżda l-Merseysiders ma setgħux jisfruttaw il-vantaġġ bikri ta’ Sadio Mane biex kellhom jikkuntentaw bi draw mal-Foxes, li, min-naħa tagħhom, jistgħu wkoll iħossuhom diżappuntati li ma ħadux xi ħaġa aktar mill-konfront.

Wara l-logħba, Jurgen Klopp qal li l-ammont ta’ borra fil-grawnd tellef il-plejers ta’ Liverpool milli jadattaw ruħhom għal-logħba veloċi tipika, bil-manager Ġermaniż jilmenta wkoll għar-referi, Martin Atkinson, li, fil-fehma tiegħu, ċaħad lir-Reds minn penalty ċar għad-daħla ta’ Ricardo Pereira fuq Naby Keita.

Waqt il-mistrieħ, il-groundstaff ta’ Liverpool ħarġu jnaddfu l-borra li kienet akkumulat fuq in-naħa tal-pitch li kellhom jiddefendu Leicester fit-tieni taqsima, iżda ma għamlux l-istess għan-naħa l-oħra ta’ Anfield.

Intant, Liverpool fallew iċ-ċans li jżidu l-vantaġġ fuq City għal seba’ punti fi żmien meta ċ-Champions għaddejjin minn vena ħażina. Hu anki minnu li Leicester saru biss it-tieni tim li ħarġu minn Anfield mingħajr telfa f’dan l-istaġun ( bit-tim l-ieħor ikun proprju Manchester City, f’Ottubru li għadda’.

Liverpool, qabel, kienu rebħu seba’ logħbiet konsekuttivi tal-league f’Anfield u Klopp, issa, qed jgħid li l-punt miksub ma’ Leicester jista’ ukoll ikun importanti ladarba jsiru l-kontijiet fl-aħħar tal-istaġun ‘anki jekk ir-riżultat ma kienx eżattament dak li xtaqu’.

Il-vantaġġ ta’ Liverpool f’ras il-klassifika kapaċi jkun naqas għal żewġ punti biss sal-ħin meta huma, nhar it-Tnejn, jilgħabu l-logħba tal-league li jmiss kontra West Ham United. Dan minħabba li fil-jum ta’ qabel, Manchester City ikunu impenjati f’darhom ma’ Arsenal fejn se jagħmlu minn kollox biex inaqqsu d-distakk mal-liders.

Għalkemm l-aħħar rapporti qegħdin jgħidu li Claude Puel jinsab f’periklu li jitlef postu bħala manager ta’ Leicester, il-plejers tiegħu taw wirja qalbiena u kienu perikolużi għal ħafna ħinijiet f’Anfield fejn ftit taw spazju lil Mohamed Salah u sħabu. Il-wirja tal-Foxes, fil-fatt, qed titqies bħala messaġġ li huma lesti biex ‘jiġġieldu sal-aħħar nifs’ għall-manager Franċiż li ilu jmexxi lit-tim minn Ottubru tal-2017.

Ir-riżultat, 1-1, hu ieħor pożittiv għal Leicester kontra tim fit-‘Top Six’ tal-Premier League wara li l-Foxes – li nhar il-Ħadd jilqgħu lil Manchester United fil-King Power Stadium – irnexxielhom jegħlbu lil Chelsea u Manchester City, f’Diċembru.