Futbol Sport

FUTBOL TALJAN: Allegri jfaħħar lir-referi li keċċieh f’Bergamo

Massimiliano Allegri, il-kowċ taċ-Champions Taljani, Juventus, qabel mad-deċiżjoni tar-referi biex ikeċċih waqt l-ewwel logħba tal-kwarti-finali tal-Coppa Italia li ntlagħbet f’Bergamo bejn il-Bianconeri u Atalanta, li jinsabu fis-seba’ post tas-Serie A.

Ir-referi, Fabrizio Pasqua, ma ħasibhiex darbtejn biex ikeċċi lil Allegri, fl-ewwel taqsima, wara li l-kowċ ta’ Juventus waddab il-kowt tiegħu fuq il-pitch, ladarba t-tim tiegħu sabu ruħhom żewġ gowls minn taħt.

Juventus spiċċaw jitilfu din il-logħba 0-3 u Allegri ssuġġerixxa li ‘l-ewwel telfa tal-istaġun għal Juventus fil-kampjonati domestiċi kienet ilha fl-ajru’.

Sadanittant, Allegri qal li r-referi kellu raġun li jkeċċih f’ħin meta ‘l-emozzjoni kienet qed tiġri bih’. Hu, fl-istess ħin, ikkumplimenta lil Pasqua u lill-uffiċjali l-oħra tal-logħba ‘għall-wirja impekkabbli tagħhom’.

Qabel id-disfatta f’Bergamo, Juventus kienu ilhom mingħajr telfa għal 22 logħba fil-league u l-Coppa Italia – bl-uniċi żewġ telfiet f’dan l-istaġun jaslu fiċ-Champions League kontra Manchester United tal-Ingilterra u t-tim Żvizzeru ta’ Young Boys.

It-telfa ma’ Atalanta tfisser ukoll li Juventus ma jistgħux jagħmlu double domestiku (ir-rebħ tal-kampjonat u l-Coppa Italia) għall-ħames staġun konsekuttiv; b’Allegri jammetti li ‘dawn l-iljieli jseħħu fil-futbol’ u li l-plejers tiegħu, x’aktarx, kienu ‘mentalment għajjenin’.

Il-manager ta’ Juventus kompla li l-aktar importanti hu li l-plejers ta’ Juventus jitgħallmu minn dak li mar ħażin u jirreaġġixxu b’mod pożittiv, filwaqt li juru aktar konċentrazzjoni fil-konfronti li jmisshom.

‘Mhemmx lok għal xi reazzjonijiet drammatiċi għaliex riżultati bħal dawn isiru dejjem fil-futbol u kellu żball kbir kulmin kien jemmen li Juventus kienu se jirbħu l-logħob kollu ta’ dan l-istaġun,’ ikkonkluda Allegri.