Diżappuntati. Ma nafux x’se jsir b’din l-art. Ġimgħat insegwu l-istejjer fil-media, u l-Gvern ma jgħidilna xejn.
Hija din ir-reazzjoni iebsa tal-Kamra tal-Kummerċ quddiem il-kwistjoni tal-art f’San Ġiljan li għal jum ieħor tibqa’ tiddomina l-aħbarijiet.
Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li qed titkellem b’mod konsistenti kif għamlet f’każijiet oħra simili, bħall-każ tal-art tal-ITS li tinsab eżatt biswit l-art li tintuża mill-Grupp Corinthia.
Il-Kamra tal-Kummerċ enfasizzat il-fatt li mhux qed tikritika lill-Corinthia, imma tinsab diżappuntata bil-mod kif saru l-affarijiet minn naħa tal-Gvern.
“Dan huwa proġett ta’ interess pubbliku, u hemm bżonn li niċċaraw ċertu suspetti. Għalhekk, b’mod uffiċjali, hemm bżonn naraw x’se joffri dan il-proġett u nassiguraw li l-affarijiet saru b’mod ġust u trasparenti”.
Fl-aħħar jiem, anke l-GRTU qalet b’mod ċar illi ma tistax taqbel kompletament mal-imsemmi proġett f’San Ġiljan. Dan għaliex hemm ċertu prinċipji fundamentali li meta l-Gvern jiġi biex jiftiehem ma’ kwalunkwè kumpanija ma jistax iħallihom barra jew iwarrabhom.
Mal-Korpi Kostitwiti qed jingħaqdu ukoll diversi għaqdiet u Kunsilli Lokali.
Dan apparti l-fatt illi kien il-PN l-ewwel vuċi b’saħħitha li ġab fid-deher dan id-deal tal-Ministru Konrad Mizzi li se jagħti art enormi f’San Ġilajn għal ħlas li hu farka tal-prezz fis-suq. L-Oppożizzjoni fil-fatt qed tkompli tinsisti li jkun hemm dibattitu Parlamentari urġenti rigward din is-saga kollha.