Hekk kif fl-Italja tkompli l-investigazzjoni dwar Liberato Paturzo, meqjus bħala imprenditur qrib il-klann tal-mafja D’Alessandro, instab li kien qaleb diversi proprjetajiet fuq soċjetà rreġistrata f’Malta.
B’dan il-mod Paturzo, li ilu minn Diċembru taħt arrest f’Malta, seta’ jiddikjara l-falliment tal-kumpanija tiegħu bi frodi, billi ħoloq vojt ta’ kważi €2.5 miljun u b’hekk qarraq b’persuni li kellhom jieħdu l-flus mingħandu.
Fl-aħħar sigħat filfatt il-Pulizija fl-Italja ssekwestraw proprjetajiet f’Gragnano, kif ukoll imħażen industrijali u residenzi f’Parma. Dawn kollha kienu moħbija billi Paturzo ttrasferihom fuq isem soċjetà rreġistrata f’pajjiżna.
Flimkien ma’ Paturzo, li hu meqjus bħala l-persuna li jmexxi monopolju tas-settur tal-kostruzzjoni bejn Castellammare u Gragnano, ġew arrestati wkoll il-mexxejja ta’ erba’ gruppi tal-mafja minbarra l-imprenditur Adolfo Greco.
L-investigazzjonijiet ikomplu, fost l-oħrajn għaliex il-Pulizija qed jippruvaw jifhmu iktar ix-xogħol li Paturzo kien jagħmel f’isem il-grupp tal-mafja D’Alessandro, kif ukoll x’seta’ ħeba iktar f’pajjiżna.
//= $special ?>