Anne Fenech, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar eletta f’isem il-Partit Nazzjonalista, ma nstabitx ħatja li kisret il-Liġi meta kienet organizzata safra f’Ayia Napa, f’Ċipru, f’Settembru li għadda. Anzi, skont ir-rapport tal-Bord ta’ Governanza Lokali, din l-esperjenza kienet ta’ benefiċċju għaż-żgħażagħ li attendew.
Il-Bord investiga l-każ wara li rċieva lment mid-Direttur tal-Gvern Lokali dwar l-allegat ksur ta’ Liġi meta saret is-safra, li kienet parti minn esperjenza ta’ skambju.
Iżda minkejja l-allegazzjonijiet li saru, il-Bord irriżultalu li s-Sindku u l-Kunsillier li siefer magħhom ħallsu għall-ispejjeż minn buthom, kif anke rriżulta mill-Minuti tal-laqgħa tal-Kunsill. Min-naħa l-oħra, għat-€3,344 maħruġa mill-Kunsill biex setgħet issir is-safra, il-Kunsill kien approva b’vot u għalhekk, l-ebda spiża ma saret mingħajr il-kunsens tal-Kunsill Lokali.
Il-Bord ma sab xejn ħażin lanqas dwar l-għażla tal-membri fil-Kumitat taż-Żgħażagħ li pparteċipaw f’din is-safra, hekk kif l-Att dwar il-Kunsilli Lokali jistipula li Kunsill jista’ jaħtar persuni li ma jkunu membri tal-Kunsill fi kwalunkwe Kumitat.
Madankollu, innota biss li l-għażla setgħet issir bi proċess aktar trasparenti, bħal b’sejħa pubblika, biex kulħadd ikollu l-opportunità jkun parti mill-Kumitat.
//= $special ?>
