Ewropa Internazzjonali

Jinsistu li mhux se jinnegozjaw ftehim ieħor mar-Renju Unit għall-Brexit

Michel Barnier

Diversi uffiċjali għolja tal-Unjoni Ewropea, fosthom Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, l-Erbgħa insistew li mhu se jkun negozjat ebda ftehim ġdid mar-Renju Unit rigward il-Brexit. Dan hekk kif il-Prim Ministru Theresa May qed tipprepara għal taħditiet ġodda fi Brussell biex tikseb konċessjonijiet ġodda rigward il-ftehim tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea għall-Brexit. Dan hekk kif fadal ftit ġim-għat oħra għat-tluq tar-Renju Unit.

Tluq li hu skedat li jseħħ fid-29 ta’ Marzu, imma l-ftehim li jiokkonċerna x’se jiġri la darba dan iseħħ għadu imb-lukkat fil-Parlament Ingliż, l-aktar minħabba dak magħruf bħala l-“backstop”, speċi ta’ mekkaniżmu dwar is-sitwazzjoni tul il-fruntiera bejn ir-Repubblika tal-Irlanda, membru tal-Unjoni Ewropea, u l-Irlanda ta’ Fuq, parti mir-Renju Unit.

Dan il-mekkaniżmu se jżomm ir-Renju Unit fl-għaqda doganali tal-Unjoni Ewropea biex hekk ma jkunx hemm kontrolli tul il-fruntiera Irlandiża. Imma hemm membri Parlamentari Ingliżi li jemmnu li r-Renju Unit se jibqa’ suġġett għar-regoli tal-Unjoni Ewropea minkejja li jkun seħħ il-Brexi t u ma kienx aċċettat il-ftehim li kienet għamlet May mal-Unjoni Ewropea f’Novembru. Issa t-Tlieta, May rebħet l-appoġġ mill-Parlament ta’ Londra biex terġa’ tiftaħ in-negozjati dwar il-Brexit.

Xi ħaġa li Brussell kien ilu jinsisti li mhux se tiġri u li tenna għal darb’oħra lbieraħ. Michel Barnier, in-negozjatur għall-Brexit tal-Kummissjoni Ewropea, l-Erbgħa tenna li l-ftehim kien li kien u ma setax ikun hemm ieħor minfloku.

Il-kelliem tal-Parlament Ewropew dwar il-Brexit, Guy Verhofstadt, waqt l-istess laq-għa li fiha tkellem Barnier qal li ħadd fl-Ewropa ma jrid juża l-backstop imma l-uniku mezz li bih May setgħet tirbaħ konċessjonijiet kien li tirtira mill-pożizzjoni li r-Renju Unit mhux se jibqa’ parti mill-għaqda doganali wara l-Brexit. Dan bl-eċċezzjoni tal-perjodu ta’ transizzjoni ta’ madwar sentejn wara d-29 ta’ Marzu biex itaffi t-tluq.

Juncker, l-Erbgħa insista li Brussell ma kienx se jippermetti li jerġgħu jinfetħu n-negozjati u tenna li l-ftehim li kien sar f’Novembru kien l-uniku wieħed possibbli. Huwa ilmenta wkoll li minkejja li saru diversi voti fil-Parlament Ingliż, il-Membri Parlamentari għadhom ma qalux verament x’iridu mill-Unjoni Ewropea.

Quddiem il-Parlament Ew-ropew, Juncker qal li l-ftehim hu l-aħjar li seta’ jiġi negozjat. Huwa qal li l-Unjoni Ewropea kienet qalet dan f’Novembru u reġgħet qalitu f’Diċembru, u se terġa’ tgħidu issa u l-vot li sar it-Tlieta f’Londra mhux se jbiddel dan. Huwa qal li la hu u lanqas il-membri tal-UE ma jridu jwaddbu lir-Renju Unit f’xi nasba bħalma jemmnu xi politiċi Ingliżi. Juncker insista li l-UE riedet il-garanziji, u għalhekk kien hemm il-backstop. Huwa qal li l-fruntiera Irlandiża kienet ukoll fruntiera tal-Unjoni Ewropea u din kienet prijorità għall-Unjoni.