Internazzjonali

L-Istati Uniti twissi lill-Veneżwela b’konsegwenzi serji

Nicolas Maduro

Hekk kif it-tensjoni fil-Veneżwela mhi qed tbatti xejn, l-uffiċjali Amerikani tennew it-twissija lill-Gvern tal-President Nicolás Maduro li kien se jkun hemm konsegwenzi serji jekk ikun imxekkel Juan Guaidó, il-kap tal-Oppożizzjoni u li ftit ġranet ilu ddikjara lilu nnifsu President temporanju. Dan hekk kif il-Qorti Suprema pprojbiet li Guaidó joħroġ mill-pajjiż u ffriżat l-assi tiegħu.

Pat Shanahan, is-Segretarju tad-Difiża temporanju Amerikan, ma eskludiex il-possibbiltà li jintbagħtu t-truppi Amerikani tul il-fruntiera tal-Kolombja mal-Veneżwela jew x’imkien ieħor fir-reġjun minħabba t-taqlib li hemm fil-Veneżwela. John Bolton, il-konsulent dwar is-sigurtà nazzjonali Amerikan, kellu l-kliem “5,000 troops to Colombia” miktuba fuq in-noti tiegħu waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn ħabbar sanzjonijiet ġodda kontra l-Veneżwela.

B’referenza għal dan l-inċident, il-White House qalet li dejjem għamlitha ċara li rigward il-Veneżwela, l-għażliet kollha kienu fuq il-mejda. Maduro min-naħa tiegħu qed jeskludi sejħiet għal elezzjoni Presidenzjali ġdida wara li dik li fiha kien ikkonfermat fil-poter kienet mifnija b’allegazzjonijiet ta’ tbagħbis.

Imma Maduro insista li l-elezzjoni kienet leġittima u r-riżultat kien dak li kien. Min-naħa l-oħra, huwa qal li kien lest jidħol f’taħditiet mal-Oppożizzjoni biex isolvi l-kriżi. Imma jekk l-Istati Uniti u pajjiżi oħra riedu vot ieħor, allura kien se jkollhom jistennew sal-2025 meta hi skedata l-elezzjoni li jmiss. Diversi pajjiżi, bl-Istati Uniti minn ta’ quddiem nett, taw għar-fien lil Guaidó; imma r-Russja qed iżżomm ma’ Maduro. Dan fost rapporti li bagħtet merċinarji Russi biex jipproteġu lil Maduro. L-Unjoni Ewropea tat lil Maduro sas-Sibt biex isejjaħ elezzjoni Presidenzjali ġdida inkella kienet se tagħraf lil Guaidó.