Lokali

L-NAO jikkonferma dak li kien ilu jgħid il-PN dwar il-ħruġ tal-viżi mill-Alġerija

Il-Partit Nazzjonalista jinnota r-rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali dwar l-investigazzjoni li l-NAO wettaq fuq il-ħruġ ta’ viżi mill-Konsulat Malti fl-Alġerija bejn Marzu tal-2014 u Settembru tal-2015 minn fejn joħorġu numru ta’ punti li għandhom jinkwetaw l-poplu Malti.

Fi  stqarrija il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carm Mifsud Bonnici u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami saħqu li dan ir-rapport jagħti raġun u jikkonferma dak li qal l-Partit Nazzjonalista li l-Konsulat Malti fl-Alġerija għal żmien twil kien qed iservi biex jinħarġu viżi lill-Alġerini li daħlu f’Malta u spiċċaw f’pajjiżna jew madwar l-Ewropa mingħajr traċċa. Jikkonferma li ma kienx hemm trasparenza, kontabbilità u serjetà fil-mod ta’ kif kienu qed jsiru l-proceduri ghall-eluf kbar ta’ talbiet. Jikkonferma li kienet decizjoni mhux spjegata li ttieħdet f’Kastilja fl-2013, li jinfetah Konsolat u dan meta l-Konslu kien il-kuġin tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Ikompli jikkonferma l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu,  li ma kien hemm ebda viżilibità u trasparenza fuq il-proċess lil hinn mill-punt meta l-Konslu ddeċieda li joħroġ jew jirrijuta viża, fejn jidħol l-involviment ta’ terzi. Saħansitra jirriżulta li kien hemm 484 talba li l-Korp tal-Pulizija rrakkomanda li jiġu rifjutati għal raġunijiet ta’ sigurtà, li xorta waħda ngħataw l-viża mill-Konslu. Jirriżulta aktar minn hekk ukoll li min 3,696 Alġerin li waslu Malta b’viża hekk maħruġa, 2,846 ma marrux lura lejn pajjiżhom u ntilfet kull traċċa tagħhom.

Dwar dan l-NAO jgħid li n-nuqqas ta’ viżibilità, trasparenza u kontabbilità żied ir-riskju ta’ qerq u xekkel lill-istess Uffiċċju  milli jistabbilixxi jekk il-ħruġ tal-viżi kienx imtawwal intenzjonalment sabiex jinġabru ħlasijiet illeċiti biex jitħaffu. Dan jindika li  l-inkompetenza u l-korruzzjoni tal-Gvern Laburista huma theddida għas-sigurtà kemm ta’ pajjiżna kif ukoll ta’ pajjiżi oħra Ewopej ġaladarba dawn il-viżi fetħu l-bibien għal pajjiżi oħra fiż-żona Schengen.

Fid-dawl ta’ dan ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-ħruġ ta’ viżi, fejn l-NAO ma’ setgħax jiddetermina biċ-ċert allegazzjonijiet fil-ħruġ tal-viżi mill-Alġerija, l-Partit Nazzjonalista jinnota li s-sistema tal-iskrutinju (vetting) tal-persuni li applikaw, ftit li xejn kienet waħda tajba u għalhekk hemm bżonn passi demokratiċi oħra li jistabbilixxu r-responsabbilitajiet nvoluti. Għal dan kollu trid tinġarr ir-responsabbilità legali u politika.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista filwaqt li jara li kull jum qed jkolna konferma li għandna xibka  ta’ ħbieb tal-ħbieb u li għal darb’oħra jiddikjara l-gravità ta’ dak li ġie rappurtat jistenna li dan ir-rapport jiġi rispettat mill-Gvern u li jittieħdu l-passi neċessarji fejn tinġarr ir-responsabbilità.