Sewwieq Malti li jaħdem għal kumpanija lokali ġie arrestat f’Pozzallo, qabel kien se jħalli l-pajjiż ġar tagħna lejn Malta. Dan hekk kif instab li fost oħrajn kien qed jittrasporta 231 kilogramma ta’ marijuana.
Il-Malti ta’ 32 sena li kien identifikat biss bl-inizzjali F.J., inqabad mill-Guardia di Finanza ta’ Ragusa, bl-għajnuna tad-Dwana ta’ Pozzallo u ż-żewġ klieb tagħhom li mill-ewwel wrew sinjali li kien hemm xi ħaġa relatata mad-droga fit-trakk li kien qed isuq.
Immedjatament ir-raġel inżamm mill-Pulizija li ssekwestrawlu dak kollu li kellu u nstab li kien qed iġorr 114-il-pakkett mimli bil-marijuana. Dawn kienu moħbija qalb pakketti oħra ta’ ikel iffriżat.
Il-Malti qed jinżamm arrestat fil-ħabs ta’ Ragusa, bil-Pulizija li jemmnu li r-raġel uża lill-kumpanija Maltija għax titqies affidabbli bl-iskop li jaħbi dak li kien qed jagħmel u għax kien jemmen li b’hekk se jevita l-kontrolli.