Futbol Sport

Fellaini jħalli lil Manchester United u se jkompli l-karriera fiċ-Ċina

Marouane Fellaini temm l-esperjenza tiegħu fil-Premier League hekk kif għalaq it-trasferiment mal-klabb Ċiniż Shandong Luneng. Il-Belġjan ta’ 31 sena, lagħab 177 logħba ma’ Manchester United u skorja 22 gowl fil-kompetizzjonijiet kollha, kemm kien ilu li ngħaqad magħhom mingħand Everton fl-2013.

Fellaini li ffirma kuntratt ta’ sentejn fis-sajf li għadda, lagħab biss f’logħba mis-sebgħa fil-Premier League kemm ilu li Ole Gunner Solskjaer ħa t-tmexxija tat-tim, fir-rebħa ta’ 5-1 li r-Red Devils kellhom kontra Cardiff fit-22 ta’ Diċembru. Hu daħal ukoll bħala sostitut fir-rebħa fit-tielet rawnd tal-FA Cup kontra Reading fil-5 ta’ Jannar.

Fellaini kien l-ewwel akkwist maġġuri ta’ Manchester United wara l-era ta’ Sir Alex Ferguson. Hu kien akkwistat f’Awwissu tal-2013 mill-eks manager ta’ Everton David Moyes għal madwar €30 miljun. Il-midfielder rebaħ l-FA Cup fl-2016 taħt it-tmexxija ta’ Louis van Gaal u fl-istaġun ta’ wara taħt Josè Mourinho rebaħ il-Community Shield, il-League Cup u l-Europa League.