Lokali

Fl-aħħar sitt xhur tas-sena li għaddiet kienu rappurtati tliet fatalitajiet fuq il-post tax-xogħol

Bejn Lulju u Diċembru tas-sena li għaddiet, l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol irrappurtat tliet inċidenti fatali fuq ix-xogħol. Fl-istess perjodu fis-sena 2017, ma kienu rappurtati l-ebda mwiet.

Dan filwaqt li fl-istess perjodu 1,599 persuna kienu involuti f’inċident mhux fatali.

Il-maġġoranza ta’ dawn l-inċidenti mhux fatali seħħew fis-settur tal-manifattura u ammontaw għal 282 jew 17.6 fil-mija. 233 jew 14.6 fil-mija oħra tal-inċident seħħew fis-settur tal-kostruzzjoni, segwiti minn 228 jew 14.3 fil-mija tal-inċidenti fis-settur tat-trasport u l-ħażna.

Meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2017, in-numru ta’ inċidenti naqas bi 33 fl-akkomodazzjoni u s-servizz tal-ikel filwaqt li żdied b’20 fl-attivitajiet ta’ servizzi ta’ amministrazzjoni u appoġġ.

Kważi nofs l-inċidenti li seħħew fuq ix-xogħol affettwaw il-parti ta’ fuq tal-ġisem, bħas-swaba’ u l-idejn.

Feriti u korrimenti superfiċjali, u dislokazzjonijiet kienu l-iktar tipi komuni ta’ korrimenti, li jammontaw għal 991 u 388 każ rispettivament.

Fit-tieni nofs tal-2018, kważi 34 fil-mija tal-inċidenti li seħħew fuq il-post tax-xogħol, ġraw f’kumpaniji li jħaddmu iktar minn 500 persuna.

Fl-2018, ġew irrappurtati 1,400 inċident mhux fatali għal kull 100,000 persuna impjegata. L-ogħla rata ta’ inċidenti mhux fatali fuq il-post tax-xogħol seħħew fis-settur tal-manifattura.