“Il-Gvern jeħtieġ li mingħajr aktar dewmien jagħmel strateġija nazzjonali biex jattira numru ikbar ta’ kandidati motivati bi sfond akkademiku jew professjonali sod u b’kompetenzi pedagoġiċi għall-professjoni tat-tagħlim.” Is-Shadow Ministru għall-Edukazzjoni Clyde Puli u l-MEP Francis Zammit Dimech għamlu dawn ir-rimarki wara li l-Union tal-Għalliema ħarġet dikjarazzjoni biex tesprimi t-tħassib tagħha dwar in-nuqqas ta’ strateġija nazzjonali biex tattira ż-żgħażagħ għall-professjoni tal-ghalliema.
Clyde Puli, is-Shadow Ministru tal-Edukazzjoni qal “Mhux aċċettabbli li l-gvern qed jintroduċi 13-il suġġett addizzjonali mis-sena akkademika li jmiss mingħajr ma jkun ċert dwar id-disponibilità tal-għalliema. Dan huwa inġust fuq l-iskejjel, l-amministraturi, l-għalliema u l-istudenti li ha jkollhom jiffaċċjaw l-istress kollu. Dan juri nuqqas ta’ ppjanar fit-tul mill-gvern fil-qasam tal-edukazzjoni. Il-gvern huwa konxju tal-problema u filfatt diġà kien hemm każijiet fejn il-gvern kellu jagħmel użu mill-istudenti bhala ghalliema ghax ma pjanax sew.”
Zammit Dimech, membru tal-Kumitat għall-Edukazzjoni li ressaq ukoll diversi proposti fir-rapprot dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni fl-Ewropa qal: “Il-gvern jeħtieġ jieħu azzjonijiet konkreti biex itejjeb l-istatus tal-għalliema inkluż li jipprovdi aktar opportunitajiet professjonali u jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol billi jżid il-paga tal-għalliem u jassigura s-sigurtà u l-protezzjoni tagħhom fl-iskejjel. Dan tal-aħħar huwa ta’ importanza fid-dawl ta’ studju ppublikat riċentament mill-MUT li juri li 87.4% ta’ dawk li wieġbu kienu esperjenzaw aggressjoni fl-iskejjel tagħhom. 23% iddikjarawha li dan sehh kuljum filwaqt li 23% oħra qali li jesperjenzaw dan ta’ kull ġimgħa. Il-gvern għandu jipprovdi wkoll lill-għalliema appoġġ li jinkludi programmi ta’ mentoring u l-iskambju tal-aħjar prattiki. ”
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-għalliema jiggarantixxu tagħlim ta’ kwalità. Il-ħiliet u l-effettività tagħhom huma l-bażi tas-sistema edukattiva u għalhekk il-gvern m’għandu l-ebda għażla oħra ħlief li jinvesti ħafna aktar fil-professjoni mingħajr aktar dewmien qabel ma jkun tard wisq.
//= $special ?>