L-Unjoni Ewropea qablet biex iċ-ċittadini tar-Renju Unit jivvjaġġaw lejn l-Istati-membri tagħha mingħajr ħtieġa ta’ visa — anki fil-każ li l-Britanniċi joħorġu mill-Unjoni mingħajr ftehim, f’sitwazzjoni ta’ no-deal Brexit.
Dan meta regolament ġdid propost – li fost oħrajn qajjem id-diżgwid ma’ uffiċjali Britanniċi għaliex jirreferi għat-territorju ta’ Ġibiltà bħala ‘kolonja’ – għandu jippermetti żjarat għal massimu ta’ 90 jum liċ-ċittadini Britanniċi li jridu jmorru f’pajjiż tal-UE.
Ir-Renju Unit diġà kkonferma li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jżuru artu għal qasir żmien mingħajr il-visa, ladarba l-Brexit jidħol fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu.
Intant, stqarrija mill-Kunsill Ewropew tgħid li ‘l-ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea qablu li, wara l-Brexit, iċ-ċittadini Britanniċi li jidħlu fiz-Zona Schengen għal żjarat qosra għandhom jitħallew jivvjaġġaw mingħajr il-visa’. L-ambaxxaturi inkwistjoni, issa, taw ‘mandat’ lill-Presidenza tal-Kunsill Ewropew biex tibda n-negozjati mal-Parlament Ewropew rigward il-proposta leġislattiva.
Skont ir-regoli tal-UE, l-eżenzjoni tal-visa tkun permessa fuq il-bażi tar-reċiproċità.
Intant, il-Gvern Britanniku stqarr li mgħandux l-intenzjoni li jitlob visa liċ-ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit għal żjarat qosra.
Ir-regolament ġdid propost mill-UE jiddistingwi bejn ċittadini residenti fir-Renju Unit u oħrajn fit-territorju ta’ Ġibiltà – magħruf bħala British Overseas Territory li hu msieħeb fl-Unjoni.
Għaldaqstant qajjmet polemika parti mir-regolament li taqra: ‘Ġibiltà hi kolonja tal-Kuruna Britannika u teżisti kontroversja bejn ir-Renju Unit u Spanja rigward is-sovranità fuq it-territorju. Soluzzjoni dwar il-kwistjoni ta’ Ġibiltà għad trid tintlaħaq fid-dawl tar-riżoluzzjonijiet relevanti u d-deċiżjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.’
Intant, l-aħħar rapporti qalu li l-Ambaxxatur Britanniku għall-UE qajjem oġġezzjonijiet għall-kliem fir-regolament waqt laqgħa li kellu mal-ambaxxaturi tal-Unjoni.
//= $special ?>

