Il-gruppi politiċi rivali tal-Libanu qablu biex jiffurmaw Gvern ġdid għall-għaqda nazzjonali u fejn temmew kważi disa’ xhur ta’ diżgwid. L-entitajiet imsieħba jinkludu l-moviment radikali tax-Xiti Hezbollah ( appoġġjat mill-Iran) li, flimkien mal-alleati tiegħu, għamel kisbiet notevoli fl-elezzjonijiet parlamentari ta’ Mejju li għadda.
Il-Prim Ministru Saad al-Hariri, li issa qed jibda t-tielet mandat ta’ poter, sostna l-ħtieġa li l-gruppi Lebaniżi, minkejja d-differenzi, ‘jaqilbu l-paġna u jxammru kmiemhom għax-xogħol’ fl-interessi tal-pajjiż.
Intant, il-Kabinett f’Bejrut, magħmul minn 30 membru, jinkludi fih erba’ nisa għall-ewwel darba fl-istorja tal-Libanu.
L-akbar sfida għal dan il-Gvern tinvolvi impenn għall-istimolu tal-ekonomija tal-Libanu, b’Hariri u l-Kabinett iridu jindirizzaw id-dejn nazzjonali ekwivalenti għal madwar 150 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku (GDP).
Ir-riformi implimentati minn Hariri mistennija jwasslu għall-ekwivalenti ta’ madwar għaxar biljun ewro f’għajnuna u self internazzjonali.
Dan meta t-tmexxija tal-Libanu tibbaża fuq sistema kkumplikata għall-qsim tal-poter, bil-ħsieb li l-komunitajiet politiċi u reliġjużi kollha jkunu rappreżentati.
//= $special ?>

