Lokali

Il-Ministru Evarist Bartolo maqtugħ mir-realtà dwar is-sitwazzjoni fl-MCAST

Il-Ministru Evarist Bartolo wera li hu maqtugħ mir-realtà tant li ġie mgiddeb mill-Union tal-Għalliema, l-MUT, dwar is-sitwazzjoni li issa ilha tippersisti għal xhur fl-MCAST.

Jiem ilu, l-MUT ilmentat li numru ta’ lecturers tal-MCAST irċivew pagamenti ħżiena f’dak li għandu x’jaqsam mal-pagi u l-arretrati tagħhom.

Madankollu ssospendiet id-direttivi biex ikunu jistgħu jkomplu d-diskussjonijiet mal-MCAST bl-iskop li tkun solvuta din il-kwistjoni.

Dawn id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin, u kif ikkonfermat mill-MUT f’risposta għall-mistoqsijiet ta’ dan l-istazzjon, il-kwistjoni dwar il-paga għadha mhix riżolta. Madankollu, il-Minsitru Evarist Bartolo qalilna mod ieħor.

Meta rreferejna għall-kwistjoni tal-paga, bl-ilmenti li kien hemm mil-lecturers, il-Ministru Evarist Bartolo ddikjara li “ħafna minnhom ġew solvuti u fuq dik il-bażi l-MCAST neħħiet id-direttivi tagħha minħabba li s’issa l-iktar li kienu konfużi u inkwetati kienu l-istudenti.”

Dikjarazzjoni, li giet imgiddba mill-Union tal-Ghalliema. Sadatant, fir-risposta tiegħu, il-Ministru Evarist Bartolo ddikjara wkoll li hu kuntent li l-eżamijiet tal-istudenti se jsiru, madankollu anke hawn wera li mhux infurmat b’dak li qed iseħħ.

“Qed issaqsini daqsxejn għax għall-erwieħ din il-ġimgħa, skont fuq xiex qed issaqsini għax it-tilwima li kien hemm ingħalqet u issa l-eżamijiet se jsiru,” qalilna l-Ministru.

Madankollu l-fatt li ppersistiet għal ġimgħat din is-sitwazzjoni wasslet biex l-istudenti issa għandhom biss ftit jiem biex jippreparaw għall-eżamijiet.

L-istudenti kienu mwegħda li se jkollhom perjodu estiż biex jippreparaw għall-eżamijiet, madankollu l-amministrazzjoni f’risposta għall-mistoqsijiet ta’ dan l-istazzjon ikkonfermaw li dan mhux se jseħħ.

Fir-risposta tagħha, kelliema għall-MCAST ikkonfermat li wħud mill-eżamijiet se jkunu bdew ġimgħa wara li d-direttivi ġew posposti.