Futbol Sport

Il-Qatar tirbaħ it-Tazza Asjatika għall-ewwel darba

(Ritratt: EPA)

L-organizzaturi tat-Tazza tad-Dinja tal-2022 il-Qatar rebħet t-Tazza Asjatika għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom, wara li huma rebħu 3-1 kontra l-Ġappun fil-finali. Din kienet l-ewwel darba li l-Ġappun, erba’ darbiet rebbieħa, tilfu finali tat-Tazza Asjatika.

L-attakkant Almoez Ali fetaħ l-iskor wara 12-il minuta b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa, biex skorja d-disa’ gowl f’din l-edizzjoni. Abdulaziz Hatem irdoppja l-vantaġġ għal Qatar f’azzjoni mill-isbaħ, meta skorja bi ġmiel ta’ rovexxjata għar-rokna.

Il-Ġappun ħarġet aħjar fit-tieni taqsima u bdiet tpoġġi l-pressjoni fuq id-difiża tal-Qatar, b’Takumi Minamino jdaħħal lit-tim fil-logħba meta sab spazju fil-kaxxa biex skorja b’xutt fil-baxx. Dan kien l-ewwel gowl li sofriet il-Qatar wara sitt partiti.

Iżda t-tim ta’ Felix Sanchez għalaq il-logħba fit-83 minuta meta r-referee mill-Użbekistan Irmatov ordna penalty wara li l-ballun deher jaħbat fil-kaxxa ma’ id Maya Yoshida. Mill-11-il metru Akram Afif għeleb lil Shuichi Gonda.