Futbol Sport

It-tim nazzjonali tal-futsal għada bl-aħħar impenn mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja

Għada wara nofsinhar, it-tim nazzjonali Malti jkun involut fl-aħħar logħba minn Grupp E tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja kontra l-Armenja. Malta tilfet l-ewwel żewġ logħbiet li lagħbet 12-0 kontra l-Iżvezja u 5-1 kontra l-Belġju, żewġ avversarji aktar kwotati mit-tim Malti.

Il-captain Mark Zammit skorja l-uniku gowl tat-tim Malti u żgur li l-esperjenza tiegħu qed tgħin lill-iskwadra Maltija bbażata minn xi plejers ta’ esperjenza iżda wkoll minn diversi żgħażagħ.

F’kummenti li għadda lil www.mfa.com.mt, Zammit qal li fl-ewwel impenn kellhom nuqqas ta’ esperjenza iżda kontra l-Belġju bidlu l-atitudni u lagħbu b’aktar intensita, kunfidenza filwaqt li kienu aktar dixxiplinati. “Tournaments u kompetizzjonijiet bħal dawn jgħinuna żgur, iżda rridu nilagħbu aktar logħob f’dan il-livell u ċertament ikun ta’ għajnuna biex nilħqu l-għanijiet, ngħollu l-istandard u nkunu aktar kompetittivi,” qal Zammit.

L-avversarju ta’ għada hu livell anqas minn dawk preċedenti, iżda xorta mhux se jkun faċli biex it-tim Malti jikseb il-punti, b’Zammit iwissi li t-tim Malti jrid ikun fl-aqwa tiegħu u jagħtu l-101% jekk jemmnu li jistgħu jiksbu l-punti.

L-iskwadra Maltija

Stefan Vella (Valletta), Clint Mifsud (Luxol), Neil Cauchi (Università ta’ Malta), Lee Grech (Università ta’ Malta), Shataizan Zarb (Luxol), Andrè Ciancio (Swieqi United), Andy Mangion (Luxol), Mark Zammit (Luxol), Rennie Tanti (Birkirkara), Matthew Attard (Luxol), Jovica Milijic (Valletta), Karl Sciortino (Pietà Hotspurs), Giancarlo Sammut (Luxol), George Frendo (Luxol)

Għada: Estrad Hall Alingsas – Armenja v Malta 1.30pm