Ix-xogħol fuq l-iskola Sekondarja taż-Żejtun mhux talli waqa’ lura b’sitt xhur iżda għadu lanqas biss beda.
Ammetta dan il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, meta affaċċjat bil-mistoqsijiet ta’ dan il-ġurnal wara li kemm hu u anke l-Kap tal-Komunikazzjoni tiegħu injoraw email li bagħat dan l-istazzjon – email li fih tlabnihom jispjegawlna fiex wasal ix-xogħol f’din l-iskola u sa meta se jkun lest.
“Ix-xogħol għadu ma bediex hem, stqarr il-Ministru tal-Edukazzjoni meta staqsejnieh fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet. Mistoqsi meta se jibda, iddikjara hekk: “Jien qed nimbotta biex jibda illum qabel għada imma dik hi xi ħaġa oħra li jien diżappuntat dwarha.”
Mistoqsi x’se jagħmel wara dan id-dewmien, li issa qabeż is-sitt xhur mindu suppost beda l-proġett, il-Ministru wieġeb b’dan il-mod: “X’se jsir dwar dan ir-rigward? Nimbotta biex jibda hux.”
L-ammissjoni tal-Ministru Evarist Bartolo stess tfisser li l-istudenti ta’ din l-iskola issa ilhom mill-bidu tas-sena skolastika jattendu fl-iskola tal-Ħandaq għalxejn.
Dan wassal biex it-tfal, fil-maġġoranza assoluta tagħhom minn Marsaskala u ż-Żejtun, qed iqumu iktar kmieni minn qabel biex jaslu fil-ħin fl-iskola, kif ukoll qed jirritornaw id-dar ħafna iktar tard.
Oriġinarjament, il-pjan tal-Gvern għal riġenerazzjoni u tisbieħ tal-iskola kellu jieħu sentejn, iżda issa u kif jammetti l-Ministru stess, ħadd għadu ma jaf lanqas meta se jibda.
//= $special ?>