Internazzjonali

L-Awstralja…Sħana rekord għal Jannar

Ir-rekords meteoroloġiċi fl-Awstralja kkonfermaw li l-ewwel xahar ta’ din is-sena kien l-aktar wieħed sħun fl-istorja (għal dan il-perjodu) u meta, għall-ewwel darba, f’Jannar, kienu rreġistrati temperaturi li qabżu sew it-30 gradi Celsius.

Is-sħana estrema, f’dan il-perjodu tas-sajf, titqies li ma għandha ‘l-ebda preċedent’ skont il-kelliema għall-Bureau of Meteorology. Dan meta talanqas ħamest ijiem, f’Jannar, kienu fost l-aktar ġranet sħan irreġistrati kemm ilhom jinżammu r-rekords u meta t-temperaturi – fuq livell nazzjonali – kienu stabbiliti mal-40 gradi Celsius.

Is-sħana fenomenali ta’ Jannar kkaġunat l-imwiet b’kaġun ta’ nirien qalb l-aħrax, fost iż-żieda tan-nies li ddaħħlu l-isptar minħabba l-effetti tagħha.

Ir-rekord ġdid jissupera l-kundizzjonijiet irreġistrati fl-2013 li, qabel, kienu kkunsidrati bħala ‘elementi tal-agħar heatwave’.

L-esperti dwar il-klima qalu li kulħadd ra kif il-mewġa tas-sħana affettwat bnadi sħaħ tal-Awstralja matul ix-xahar li għadda, u fejn inkisru rekords għas-sħana insapportabbli u fit-tul. Dan waqt li l-inżul tax-xita kien anqas mill-medja għal diversi zoni.

L-Awstralja, fl-aħħar snin, batiet taħt temperaturi tas-sajf aktar estremi minn ta’ snin preċedenti. Fil-fatt, il-belt ta’ Sydney, is-sena l-oħra, spiċċat tikwi taħt temperaturi ta’ 47.3 gradi Celsius fl-aktar ġurnata ta’ sħana tremenda mill-1939.

L-Uffiċjali kkonfermaw li l-2018 u l-2017 kienu, rispettivament, it-tielet u r-raba’ l-aktar snin li rreġistraw is-sħana fl-Awstralja tul iż-żmien li ilhom jinżammu r-rekords.