Lokali

L-ISPEJJEŻ JOGĦLEW ANKI WARA MEWTEK: Fearne jaħrab milli jwieġeb fuq il-ħlasijiet ġodda għad-dfin

Nies li jaħdmu l-funerali qalulna li dwar dan ftit li xejn saret konsultazzjoni jew diskussjoni

Ċar li ma riedx jagħti informazzjoni, il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne, ħarab milli jikkonferma lil Net News il-fatt illi l-prezzijiet li jinvolvu d-dfin se jogħlew.

Skomdu, mistoqsi għal darbtejn huwa wieġeb u qalilna biex nistennew il-korrispondenza fejn fiha għandu jkun hemm dawn il-prezzijiet. Dwar dan, bqajna ma rċevejna xejn u tant u hekk l-istess Chris Fearne ħarab milli jwieġeb milli jgħidilna li se jkun hemm tassew żieda fil-prezzijiet.

Żieda li tfisser aktar piżijiet fuq il-familji.

Nies li jaħdmu l-funerali qalulna li dwar dan ftit li xejn saret konsultazzjoni jew diskussjoni.

Piżijiet ġodda li se jidħlu fis-seħħ mis-6 ta’ Frar li ġej, juru illi filwaqt li qabel il-vetturi tad-dfin kienu jidħlu b’xejn fiċ-ċimiterju, issa se jibdew ikollhom iħalsu €70.80ċ fis-sena.

Dan mhux biss. Qabel biex jidħlu fiċ-ċimiterju kienu jħallsu €15.13ċ, ikun hemm kemm ikun hemm dfin. Issa se jkun hemm ħlas ta’ €59 għal kull difna. Fattur ieħor jirrigwardja it-twaħħil tal-irħam fejn qed jintalab ħlas ta’ €118 u €47.20ċ, jiġifieri b’kollox €165.20ċ għall-permess biss.

Spiża oħra ġdida hija ta’ €141.60ċ biex isir il-proċess ħalli persuna jħaffirlek il-qabar fiċ-ċimiterju.

Nies li jagħmlu dan ix-xoghol qalulna illi hija ħasra kbira li dawn il-piżijiet fl-aħħar mill-aħħar jispiċċaw jinġarru mill-familji li jkunu għadhom kif tilfu qarib tagħhom – u għalhekk, aktar piżijiet finanzjarji fuq in-nies.