Lokali Unjoni Ewropea

L-Istati Membri għandhom responsabbiltà sħiħa biex jiżguraw il-protezzjoni taz-zona Schengen

L-MEP David Casa

“Il-ħruġ tal-viżi u permessi ta’ residenza mill-awtoritajiet Maltin fl-Alġerija jqajjem mistoqsijiet serji li jista’ jkollhom impatt fuq is-sigurtà taċ-ċittadini Maltin u l-Istati Membri l-oħra taz-zona Schengen”. Dan sostnieh l-MEP Nazzjonalista David Casa b’reazzjoni fuq ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) dwar l-allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet li jdawwar l-ħruġ ta’ viżi taz-zona Schengen mill-konsulat ta’ Malta fl-Alġerija.

B’reazzjoni għal dan ir-rapport li sar fuq talba mill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament Malti, David Casa kkonferma li ressaq mistoqsija parlamentari fi Brussell fejn talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tindika jekk Malta tkunx aġixxiet b’responsabbiltà sħiħa l-obbligi tagħha bħala Membri taz-zona Schengen. Dan sabiex ikunu żgurati r-responsabbiltà, it-trasparenza u s-serjetà fl-applikazzjoni tar-regolamenti tax-Schengen.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Membri tal-Partit Nazzjonalista tal-Parlament Ewropew, spjega li d-diskrepanzi li nstabu mill-NAO tqajjem mistoqsijiet serji fir-rigward tas-sigurtà kemm f’Malta kif ukoll fiz-zona Schengen. David Casa innota li r-rapport tal-NAO jindika li matul il-perjodu bejn Marzu 2014 u Settembru 2015, aktar minn 5,000 ruħ daħlu Malta mill-Alġerija abbażi ta’ viża maħruġa mill-konsulat… għal kull 4 wasliet telaq wieħed biss.

Casa enfasizza li l-ħruġ ta’ viżi u permessi ta’ residenza mill-awtoritajiet Maltin fl-Alġerija tqajjem mistoqsijiet serji li jista’ jkollhom impatt fuq is-sigurtà taċ-ċittadini Maltin u Membri oħra taz-zona Schengen Istati. David Casa kkonkluda – ‘Li tkun parti miz-zona Schengen iġġorr magħha responsabbiltà enormi lejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea”.