Internazzjonali

L-Istati Uniti toħroġ mit-trattat nukleari tal-1987 mal-eks Unjoni Sovjetika

Il-Gvern tal-President Amerikan, Donald Trump, ħabbar li qed jirtira mit-Trattat għall-Qawwiet Nukleari li l-Istati Uniti kienet iffirmat mal-eks Unjoni Sovjetika ( komunista) fl-1987 u waqt l-aħħar fażi tal-Gwerra Bierda. L-Amerikani qegħdin jakkużaw lir-Russja dwar abbuż tat-trattat partikulari u Trump kien wissa, f’Ottubru, li pajjiżu kellu jabbanduna l-patt f’sitwazzjoni fejn ‘Moska ma tirrispettax il-kriterji’.

Il-patt partikulari – magħruf bħala l-Intermediate-Range Nuclear Forces Treaty – jipprojbixxi l-produzzjoni, provi u stazzjonar ta’ missili tal-art ( ta’ tip ballistiku u cruise) li jkopru distanzi bejn il-500 u l-5,500 kilometru.

Il-Pentagon ta’ Washington kien informa lill-alleati tan-NATO li s-sistema ġdida tal-missili ( tat-tip 9M729) tar-Russja taqa’ taħt il-kriterji tat-trattat. Dan meta l-Istati Uniti temmen li din is-sistema tal-missili ( li jistgħu jkunu sparati mill-art) tagħti lir-Russja l-kapaċità biex twettaq attakk nukleari fl-Ewropa mingħajr l-ebda twissija.

Filwaqt li l-awtoritajiet f’Moska qed jinsistu li l-9M729 twassal għal anqas minn 500 kilometru, is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal li r-Russja ma wriet l-ebda sinjal, ‘sa ftit tal-jiem ilu’, li lesta taddotta politika ta’ kooperazzjoni fiċ-ċirkustanzi, u wara taħditiet mal-ambaxxaturi mill-Istati tal-Alleanza.

Sadanittant, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea qed jinkwetaw li l-aħħar pass mill-Istati Uniti tista’ twitti t-triq għall-firxa tal-armi, ‘flimkien mal-iżvilupp ta’ armamenti perikolużi għat-territorju sħiħ tal-Ewropa’.

L-Ewropej, fl-istess ħin, huma ħerqana biex jevita ripetizzjoni tal-kriżi missilistika storika tas-snin tmenin. Dan wara li, fl-1983, l-alleati tan-NATO kienu deċidew biex jistazzjonaw il-missili ballistiċi tal-Istati Uniti ( tat-tip cruise u Pershing 2) fl-Ewropa, meta staġnaw in-negozjati ma’ Moska dwar l-istazzjonar, mill-eks Unjoni Sovjetika, ta’ missili SS-20 fil-pajjiżi Ewropej tal-Lvant.