Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) tħeġġeġ iktar nisa biex jikkontestaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se ssir f’Mejju. S’issa madwar 30% tal-kandidati għall-Parlament Ewropew huma nisa. Għalkemm dan huwa titjib sinifikanti mill-aħħar elezzjoni ġenerali, fejn kien hemm biss 20% tal-kandidati li kienu nisa, Malta għadha ’l bogħod milli tilħaq bilanċ fil-ġeneru fil-listi tal-kandidati.
Sabiex ikun hemm distribuzzjoni ta’ poter ġust bejn in-nisa u l-irġiel, huwa essenzjali li iktar nisa jipparteċipaw fil-proċess elettorali. Filwaqt li l-NCPE tirrikonoxxi l-ostakli li jżommu lin-nisa milli jipparteċipaw fil-politika b’mod sħiħ, tenfasizza li r-rappreżentazzjoni tagħhom fil-Parlament Ewropew se tagħti lin-nisa vuċi iktar b’saħħitha u tippermettilhom jaħdmu għal soċjetà ugwali, ġusta u aktar inklussiva. Nisa MEPs minn Malta huma rikonoxxuti għax-xogħol siewi tagħhom fi ħdan il-Parlament Ewropew.
Iktar minn hekk, nirrikonoxxu li l-elettorat Malti diġà qed japprezza l-parteċipazzjoni tan-nisa f’dan il-qasam għax, kif kien osservat minn elezzjonijiet fil-passat, in-nisa għandhom bejn wieħed u ieħor l-istess ċans daqs l-irġiel biex jirnexxu, hekk kif il-persentaġġ ta’ nisa eletti huwa ħafna drabi simili għall-persentaġġ ta’ nisa li jikkontestaw.
Malta għandha tistinka biex iżżomm ir-rappreżentanza ugwali ta’ nisa u rġiel Membri Parlamentari Ewropej li hemm bħalissa, u b’hekk tikkontribwixxi għal Parlament Ewropew b’iktar bilanċ bejn is-sessi.
//= $special ?>